Internazzjonali

Aktar tensjoni bejn ir-Renju Unit u l-Iran wara l-attakk fuq it-tanker

iran flag with Great Britain flag on a grunge cracked wall

L-awtoritajiet f’Londra sejħu lill-ambaxxatur tal-Iran għal taħditiet b’reazzjoni għall-attakk tal-ġimgħa l-oħra fuq tanker tal-petroleum li kien qed ibaħħar ‘il hinn mill-Oman u li fih inqatlu żewġ persuni – ċittadin Britanniku u raġel Rumen.

Ir-Renju Unit u l-Istati Uniti t-tnejn qed iwaħħlu fl-Iran għal dan ‘l-attakk premeditat’ fuq it-tanker Mercer Street – ta’ sidien Ġappuniżi u mmexxi mill-kumpanija Iżraeljana Zodiac Maritime – u li jingħad li spiċċa mira ta’ drone.

Intant, it-tensjoni bejn Londra u Tehran mill-ġdid tinsab f’livell għoli meta l-Britanniċi u l-Istati Uniti beħsiebhom jirreaġġixxu ‘għal dan l-abbuż tal-liġi internazzjonali.’

L-Ambaxxatur Iranjan, Mohsen Baharvand, fl-aħħar sigħat kien infurmat li ‘l-Iran jeħtieġ jieqaf minnufih mill-azzjonijiet li huma ta’ theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali’. Madankollu l-Iran baqa’ jiċħad għal kwalunkwe sehem fl-attakk fuq it-tanker.

Fl-istess ħin, il-Ministeru Iranjan għall-Affarijiet Barranin insista li l-Iran mhux se jaħsibha darbtejn ‘biex jiddefendi l-interessi nazzjonali u tas-sigurtà tiegħu’ u meta ‘għandu jwieġeb bil-qawwi għal kwalunkwe azzjoni ostili fil-konfront tiegħu’.