Lokali

Appelli għal deċiżjonijiet li għandhom bżonn jittieħdu

Ir-Rapport tal-Inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia jfisser li l-Gvern u l-Partit Laburista jrid jieħu d-deċiżjonijiet li ilna s-snin nafu li kellhom jittieħdu.

Dan kien il-messaġġ komuni fl-Editorjali tal-gazzetti tal-Ħadd, ftit tal-jiem wara li kien ippubblikat ir-Rapport. Madankollu, skiet li jtarrax mill-gazzetta tal-GWU, li minflok, titkellem dwar ħaddiema abbord il-bastimenti tas-sajd.

Il-gazzetta Illum qalet li dak li ħareġ fir-Rapport konna ilna nafuh u ngħiduh, fosthom li kien żball enormi li Keith Schembri u Konrad Mizzi nżammu f’posthom, anke wara li sirna nafu d-dettalji dwar il-kumpaniji li fetħu fil-Panama.

Minflok, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat mhux biss żammhom, iżda pproteġihom u ġiegħel lill-Partit Laburista jipproteġihom, filwaqt li ħallielhom l-istess saħħa li kellhom. Tant hu hekk, li Muscat daħħal il-mentalità fil-Partit Laburista li “Jew Keith u Konrad jew int traditur”.

Tal-istess opinjoni il-gazzetta The Malta Independent on Sunday, illi qalet li s-saħħa kważi tal-allat li kellu Muscat qed tonqos b’mod mgħaġġel, ladarba t-tmexxija tiegħu mhux talli ħalliet, talli kkontribwixiet għall-kultura ta’ impunità li wasslet għall-assassinju ta’ ġurnalista.

Anke din il-gazzetta qalet li l-fatt li baqa’ ma riedx ikeċċi lil Keith Schembri u Konrad Mizzi – minkejja li kienu involuti fi skandlu wara l-ieħor – għolla l-impressjoni li dawn it-tnejn ħadd ma jista’ għalihom.

Il-gazzetta MaltaToday qalet li biex l-Inkjesta tkun effettiva, għandha tħalli l-konsegwenzi, fis-sens li għandhom jittieħdu d-deċiżjonijiet. Fil-fatt, tfakkar kif, minkejja li Robert Abela ilu Prim Ministru 18-il xahar, l-Istat għadu mhux jieħu azzjoni kontra dawk involuti fil-korruzzjoni tal-Gvern. Il-gazzetta qalet li jekk Abela verament irid jimplimenta r-riformi mitluba mill-Inkjesta, għandu jagħmel aktar milli jieqaf biss mal-kliem sabiħ.

Min-naħa tagħha, is-Sunday Times of Malta qalet li għalkemm il-korruzzoni ilha teżisti, kemm ilu li tela’ l-Labour ma baqgħux jittieħdu passi u dak li sejħet bħala “kanċer li jiekol lill-pajjiż” baqa’ jinxtered, filwaqt li n-nepotiżmu tela’ għal livelli li qatt ma rajna bħalhom.

Il-gazzetta kompliet li pajjiżna jrid jagħmel eżerċizzju biex ifittex ruħu, iżda ma nistgħux nistennew is-snin biex jiddaħħlu liġijiet ġodda.

Il-gazzetta Il-Mument qalet li dan ir-Rapport kkonferma li l-Partit Laburista falla u ma jistax ikun fdat. Fakkret kif ħafna mill-membri tal-Kabinett ta’ Joseph Muscat illum jiffurmaw parti mill-Kabinett ta’ Robert Abela u dan juri kif – wara sena u nofs – Abela ma biddel xejn fil-konkret.

U minkejja r-reazzjoni ta’ kulħadd, il-gazzetta tal-Partit Laburista għażlet li tattakka lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sempliċiment għax qal li r-reazzjoni tal-Prim Ministru kienet surreali u ‘out of touch’.