Internazzjonali

Atleta titlob ażil “Jekk immur lura pajjiżi ħajti tispiċċa f’riskju”

Atleta mill-Belarus li kella tipparteċipa fl-Olimpijadi li qed isiru preżentament fil-Ġappun irrifjutat li titla abbord titjira minn Tokjo lejn pajjiża wara li saħqet li ttieħdet fl-ajruport kontra r-rieda tagħha minn uffiċjali tal-Belarus. Hija appellat lill-awtoritajiet Ġappuniżi sabiex iżommuha f’post sigur u għaldaqstant l-atleta ta’ 24 sena ttieħdet lura f’lukanda.

Dan wara li Krystsina Tsimanouskaya talbet lill-Pulizija Ġappuniża sabiex jipproteġuha hekk kif allegatament iż-żagħżugħa ġiet sforzata minn xi uffiċjali ta’ pajjiża biex tmur lura l-Belarus wara li kkritikat lil kowċis tagħha.

L-IOC u l-Kumitat Organizzativ tal-Olimpijadi qed jaraw kif se jippoċedu, f’diskussjonijiet kemm mal-Pulizija Ġappuniza kif ukoll ma’ Tsimanouskaya.

Hija kellha tieħu sehem  f’tiġrija relay, madanakollu kkritikat lill-uffiċjali tat-tim tagħha fuq Instagram hekk kif spjegat li ġiet sforzata tieħu sehem fiha, minkejja li qatt f’ħajjitha ma pparteċipat f’tiġrija ta’ dan it-tip filwaqt li akkużat membri tat-tim tagħha li ma setgħux jikkompetu għax m’għamlux testijiet tad-doping biżżejjed.

L-atleta qed tisħaq li jekk tmur lura f’pajjiża ħajjitha taf tispiċċa f’riskju.