Internazzjonali

Ċina: L-imwiet mill-għargħar issa qabżu t-300…

L-awtoritajiet Ċiniżi  issa kkonfermaw li l-mejtin dovuti għall-għargħar tax-xahar li għadda fil-provinċja ta’ Henan issa qabżu sew it-300 vittma.

Dan waqt li għexieren ta’ nies għadhom irrappurtati nieqsa wara li r-reġjun spiċċa mifqugħ mill-għargħar qawwi wara inżul ta’ xita ‘straordinarju’,

F’dawn iċ-ċirkustanzi mat-13-il miljun ruħ spiċċaw affettwati, b’talanqas 9,000 djar iġarrbu l-ħsarat b’kaġun tal-elementi.

Il-maġġoranza tal-imwiet kienu rrappurtati fil-belt ta’ Zhengzhou fejn l-ilma mill-għargħar mela s-sistema tas-subway – u bl-ilma anki tkaxkar numru kbir ta’ vetturi. L-awtoritajiet ta’ Zhengzhou, fil-fatt, irrappurtaw ‘l-inżul ta’ sena xita fuq l-inħawi fi spazju ta’ tlett ijiem biss’.

Sadanittant, is-Sindku ta’ Zhengzhou, Hou Hong, ikkonferma l-aħħar ċifra tal-vittmi flimkien mas-sejba ta’ mill-anqas 40 persuni mgħarrqin fil-car parks ta’ taħt l-art.

Mietu wkoll numru ta’ persuni fl-għargħar li faqa’ l-‘Linja 5’ tas-sistema tas-subway f’din il-belt  Dan meta l-livelli tal-ilma f’numru ta’ digi u ġibjuni qed jikkaġunaw it-tħassib, bis-suldati qed ikunu mobilizzati biex idawwru l-għargħar mix-xmajjar lejn iz-zoni ta’ anqas periklu.