Internazzjonali

Covid-19: Bidla fir-regoli għall-passiġġieri li jaslu fir-Renju Unit mill-Istati Uniti u l-UE….Inkwiet dwar il-qabża fil-każi fiċ-Ċina

Ir-Renju Unit qed jilqa’ l-ewwel passiġġieri wara bidla fir-regoli li tippermetti biex in-nies li ġejjin mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti jevitaw il-kwarantina. Dan dejjem bil-kundizzjoni li l-passiġġieri inkwistjoni jkunu ħadu t-tilqima sħiħa kontra l-coronavirus (fully vaccinated).

Qed jibbenefikaw mill-bidla l-passiġġieri li qegħdin jaslu fir-Renju Unit  mill-pajjiżi fuq il-lista ‘amber’ — bl-eċċezzjoni ta’ Franza. Dan waqt li l-Gvern tar-Renju Unit sostna li l-bidla għandha tgħin biex jingħaqdu flimkien il-familji u l-ħbieb li l-għeżież tagħhom qegħdin jgħixu barra.

Il-kapijiet tal-linji tal-ajru laqgħu b’sodisfazzjon dan il-pass iżda qed isejħu wkoll biex aktar pajjiżi jibdew jiffurmaw parti mil-lista l-ħadra tar-Renju Unit għall-ivvjaġġar – jew kif inhi magħrufa, il-green travel list.

Il-passiġġieri intervistati huma kuntenti li issa jistgħu iqattgħu żmien mal-familja u ma nies li kienu ilhom ma jaraw għal żmien mingħajr il-ħtieġa li jqattgħu perjodu ta’ żmien f’iżolament.

Madankollu, il-passiġġieri mill-UE u l-Istati Uniti xorta waħda jridu jieħdu PCR test qabel jitilqu lejn ir-Renju Unit – flimkien ma’ PCR test ieħor fit-tieni jum wara l-wasla tagħhom f’dan il-pajjiż. Sadanittant, il-passiġġieri taħt it-18-il sena se jkunu eżenti mill-iżolament, waqt li wħud lanqas mhuma se jkunu suġġetti għat-testijiet tal-Covid – għalkemm dan ikun jiddependi mill-etajiet tagħhom.

Fi żviluppi oħra, l-awtoritajiet fiċ-Ċina jinsabu mħassbin ferm dwar epidemija ġdida tal-Covid li laħqet infirxet għal diversi lokalitajiet – fost il-preokkupazzjoni dwar il-vulnerabbiltà tal-pajjiż għall-varjant ‘Delta’. Dan meta f’għaxart ijiem biss instabu ‘il fuq minn 300 każ tal-varjant inkwistjoni.

L-aħbarijiet fiċ-Ċina, bħalissa, huma ddominati bl-istejjer dwar l-epidemija ġdida, bit-tħassib qegħdin jesprimuh ukoll l-aqwa speċjalisti Ċiniżi dwar il-mard respiratorju.

Il-Gvern Ċiniż impona restrizzjonijiet ġodda għall-ivvjaġġar waqt li qed jimplimenta proċeduri għall-ittestjar ta’ miljuni ta’ ċittadini. Dan ukoll meta mhux ċar l-ammont ‘preċiż’ ta’ Ċiniżi li huma vaċċinati kontra l-virus.

S’issa talanqas 15-il provinċja u muniċipalità fiċ-Ċina kkonfermaw il-każi – b’numru minn dawn ikunu relatati ma’ inċidenza tal-virus fl-inħawi ta’ Nanjing fil-provinċja ta’ Jiangsu. L-awtoritajiet attribwew il-firxa tal-każi għall-varjant Delta waqt li l-istaġun tat-turiżmu domestiku wkoll qed jissemma bħala fattur li wassal għal din is-sitwazzjoni..

Intant, din hi l-akbar inċidenza tal-virus għal xhur fiċ-Ċina, wara li l-pajjiż, is-sena l-oħra, irnexxielu ftit jew wisq li jikkontrolla l-Covid fi ħdan il-fruntieri tiegħu.