Lokali

Edward Zammit Lewis mhux denju li jservi ta’ Ministru tal-Gvern

Wara li lbieraħ ġie żvelat li Edward Zammit Lewis kien qed jikkonfoffa u jiddieħak ma’ Yorgen Fenech dwar talba li saret minn Simon Busuttil biex issir inkjesta dwar il-kumpanija 17 Black imwaqqfa f’Dubaj u dwar l-iskandlu tal-Panama Papers, huwa ċar għal kulħadd li Edward Zammit Lewis mhux kapaċi jagħraf u jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin u għalhekk mhux idoneju u mhux denju li jokkupa l-kariga ta’ Ministru tal-Gvern.

Dan kollu ġie rifless f’mozzjoni parlamentari li tressqet aktar kmieni llum mill-Kap talOppożizzjoni Bernard Grech, mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Robert Cutajar u mid-deputati Joseph Ellis u Karol Aquilina.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li Edward Zammit Lewis kien f’komunikazzjoni ma’ Yorgen Fenech li matulha ddeskriva lill-votanti Laburisti bħala “ġaħan” u lil sħabu l-Ministri bħala “tfal u pożi” filwaqt li fittex l-appoġġ u l-approvazzjoni tal-imsemmi Yorgen Fenech għall-aġir tiegħu.

Dan kollu seħħ wara li kien sar magħruf pubblikament permezz ta’ dak żvelat minn The Times of Malta u mill-aġenzija internazzjonali tal-aħbarijiet Reuters, li l-imsemmi Yorgen Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black li mingħandha Konrad Mizzi permezz tal-kumpanija sigrieta tiegħu Hearnville Inc. u l-eks Chief of Staff Keith Schembri permezz tal-kumpanija sigrieta tiegħu Tillgate Inc., kellhom kull wieħed jirċievu ħamest elef Ewro (€5,000) kuljum.

Pajjiżna jixraqlu li l-kariga ta’ Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza tkun okkupata minn persuna li ma tkunx assoċjat ruħha ma’ individwi li dwarhom kien hemm diġá allegazzjonijiet serji u li ma tkunx ipparteċipat fil-ħolqien u t-tħaddim ta’ kultura ta’ impunità li wasslet għallqtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Peress li bl-aġir tiegħu Edward Zammit Lewis poġġa l-kariga pubblika fdata f’riskju u mhux denju li jokkupa l-kariga ta’ Ministru tal-Gvern, il-Prim Ministru għandu jeżiġi r-riżenja ta’ Edward Zammit Lewis minn Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza u fin-nuqqas li dan iseħħ, ikeċċih minn Ministru.