Lokali

Il-Kummissarju għall-Istandards joħroġ linji gwida definittivi dwar ir-riklami tal-gvern

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ħareġ linjigwida biex jirregola l-użu ta’ reklami u materjal promozzjonali mill-Gvern u mill-entitajiet pubbliċi.

Fi stqarrija kien spjegat li dawn il-linjigwida ma jirrappreżentawx regoli ġodda fihom infushom, iżda jindikaw kif il-Kummissarju se japplika r-regoli eżistenti fil-Kodiċi ta’ Etika tal-Ministri f’każi li jinvolvu reklami jew materjal promozzjonali mħallsa minn fondi pubbliċi.

Il-linjigwida jirrikonoxxu li l-Gvern għandu dover li jikkomunika mal-pubbliku u diskrezzjoni wiesgħa biex jiddeċiedi meta għandu jikkomunika b’reklami u materjal promozzjonali għal skopijiet leġittimi. Biss, il-Ministri m’għandhomx jonfqu fondi pubbliċi fuq pubbliċità personali jew politika. Il-linjigwida huma maħsuba biex jiżguraw li dan ma jsirx.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards spjega li l-linjigwida jkopru mhux biss reklami iżda anke, fost affarijiet oħrajn, artikli li jiġu ppubblikati bi ħlas, fuljetti, kartolini, oġġetti li jitqassmu bħala rigali u materjal awdjoviżiv li jixxandar fuq it-televiżjoni jew il-media soċjali – dejjem jekk dawn jiġu mħallsin b’fondi pubbliċi.

Il-linjigwida jgħidu fost l-oħrajn li:
• Reklam jew materjal promozzjonali tal-Gvern jew ta’ entità pubblika m’għandux jinkludi kontenut ta’ natura partiġġjana.
• Reklam jew materjal promozzjonali tal-Gvern jew ta’ entità pubblika għandu jkun fattwalment korrett f’dak li jgħid.
• Reklam tal-Gvern jew ta’ entità pubblika m’għandux jinkludi isem jew ritratt ta’ Ministru. Dan japplika wkoll għal “advertorial”.
• Fuljett jew dokument ieħor (basta mhux reklam jew advertorial) maħruġ mill-Gvern jew entità pubblika jista’ jinkludi kontenut li jirreferi għal Ministru, basta dan il-kontenut ikun strettament limitat u jikkontribwixxi għall-għanijiet leġittimi tad-dokument.
• Pubblikazzjoni li tkun sponsorjata mill-Gvern għandha tindika dan il-fatt għall-finijiet ta’ trasparenza.
• Ministru għandu jidderieġi fondi pubbliċi lejn il-media għall-finijiet ta’ reklamar skont kriterji ġusti u oġġettivi.

Il-linjigwida jispeċifikaw li ma jkoprux kull sitwazzjoni li tista’ tinqala’ u kwistjonijiet fejn ma japplikawx il-linjigwida se jkomplu jiġu regolati mill-Kodiċi ta’ Etika tal-Ministri.

L-Uffiċċju spjega li l-Kummissarju ħareġ dawn il-linjigwida fit-22 ta’ Ġunju li għadda bħala abbozz biex jikkonsulta dwarhom. Hu ta xahar żmien biex il-partiti politiċi, il-Gvern u l-pubbliku inġenerali jagħtu l-veduti tagħhom dwar l-abbozz qabel ma l-Kummissarju jdaħħal il-linjigwida fis-seħħ u jibda japplikahom. Biss, il-partiti u l-Gvern ma bagħtu l-ebda reazzjoni lill-Kummissarju. Madankollu, il-linjigwida ġew emendati fid-dawl ta’ xi reazzjonijiet li rċieva l-Kummissarju.

B’mod partikolari, il-linjigwida issa jirreferu mhux biss għall-Ministri, iżda wkoll għall-persuni ta’ fiduċja, billi dawn ukoll jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Kummissarju. Persuni ta’ fiduċja jaġixxu f’isem il-Ministri u jistgħu għalhekk jieħdu deċiżjonijiet dwar il-produzzjoni ta’ reklami u materjal promozzjonali tal-Gvern.

L-Uffiċċju spjega li jekk il-Kummissarju jintalab jinvestiga każ dwar dan, hu jinterpreta r-regoli tal-etika li huma marbutin bihom il-persuni ta’ fiduċja fid-dawl tal-linjigwida.