Lokali

Gvern ġdid tal-PN jiggarantixxi investiment fil-Port tal-Imġarr

Għal dawk kollha li jgħixu Għawdex, l-aċċessibbiltà efffettiva u effiċjenti bejn iż-żewġ gzejjer hija prijorità assoluta. Għal kull Għawdxi u Għawdxija li taqsam lejn Malta huwa bżonn u bżonn spiss, sew jekk għal xogħol, appuntamenti, qadi u bżonnijiet oħrajn inkluż dawk mediċi.

Fl-aħħar ftit snin, il-ftit miżuri dwar l-aċċessibbiltà li ħa l-Gvern Laburista kienu theddida għall-vijabbiltà tas-servizz, beda l-istudji dwar il-mina, b’segretezza kbira fuq il-kontenut ta’ dawn l-istudji, kera vapur ta’ 35 sena, u dam tmien snin biex beda s-servizz ta’ fast ferry, biex fl-aħħar ġimgħat, maħkum b’paniku, ħasel idejh minnu u ħalla f’idejn il-privat. Neħħa wkoll s-servizz tal-merkanzija lejn Sa Maison.

Għal dan il-għan il-Partit Nazzjonalista f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem għal Għawdex Chris Said, mid-deputat Joe Ellis u mill-kandidat Alex Borg nieda proposti frott id-diskussjoni fil-Cluster dedikat għal Għawdex.

Il-proposti tal-Partit Nazzjonalista huma ispirati mis-serjetà li dejjem ħaddimna, u l-bilanċ neċċessarju bejn aċċessibiltà eċċelenti u miżuri li huma sostenibbli u responsabbli. F’dan il-kuntest, Gvern ġdid Nazzjonalista:

  1. Jkabbar il-port ta’ l-Imġarr biex dan ilaħħaq mal-bżonnijiet tal-passiġieri u l-pjan tal-port irid jinkludi wkoll aktar spazju għall-parkeġġ kemm għal min jaqsam lejn Malta fuq qadi kif ukoll għal dawk li jmorru Għawdex u jibqgħu igawdu l-faċilitajiet tal-port.
  2. Jipprovdi żewġ vapuri ġodda oħra, wieħed għall-passigieri u wieħed iddedikat għall-merkanzija u b’hekk jiġi introdott servizz tal-merkanzija lejn il-Port il-Kbir.
  3. Ikompli jinsisti li jsiru l-istudji kollha neċċessarji dwar il-mina bejn Malta u Għawdex.
  4. Jikkonsulta mal-poplu Għawdxi permezz ta’ referendum dwar il-mina wara li jiġu ppublikati l-istudji u ssir konsultazzjoni wiesgħa.
  5. Jikkonsidra servizzi bl-ajru bejn iż-żewġ gzejjer.

Din hija viżjoni, kullana ta’ servizzi li għandhom għan ċar. Li l-aċċess bejn Malta u Għawdex ma jibqax fuq moħħ l-Għawdxin għax ma jibqax sfida fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.