Internazzjonali

It-Turkija: Ikomplu n-nirien terribbli ‘fejn anki l-annimali qed jaqbdu…’

In-nirien li ħakmu fit-Turkija fl-aħħar ġranet s’issa rriżultaw f’aktar minn għaxra mejtin, bl-awtoritajiet għall-emerġenzi jippruvaw irażżnu l-fjammi li qed jiddominaw f’għexieren ta’ zoni. In-nirien qed ikunu xprunati mit-temperaturi tas-sajf għoljin u kundizzjonijiet li, fi kliem l-esperti, qalbu għall-agħar minħabba l-bidliet fil-klima tad-dinja..

Fl-aħħar sigħat, kien ikkonfermat li seba’ persuni tilfu ħajjithom qalb in-nirien li nfirxu madwar Manavgat, fil-provinċja ta’ Antalya – b’raġel jisfa vittma tan-nirien fl-inħawi ta’ Marmaris. Żewġ vittmi oħra huma koppja Ġermaniża-Torka li l-katavri tagħhom instabu f’dar.

Iz-zona – hew hotspot – turistika ta’ Bodrum ukoll spiċċat taħt theddida diretta min-nirien, bir-riżultat li ‘il fuq minn 1,000 persuna spiċċaw evakwati.

Sadanittant, il-bdiewa fil-villaġġ ta’ Kacarlar – mal-kosta lejn in-naħa t’isfel tat-Turkija – qed jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ‘apokalitiċi’ fost il-firxa ta’ dawn il-wildfires. Is-sitwazzjoni hi tant li qed jinħarqu, litteralment, l-annimali fl-irziezet, bil-bdiewa jinsabu mwerwrin li jistgħu jitilfu l-proprjetà tagħhom lill-fjammi feroċi.

Sar magħruf, issa,  li żewġ membri tal-iskwadri għall-emerġenzi wkoll tilfu ħajjithom huma u jikkumbattu n-nirien fi tmiem il-ġimgħa.

Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, iddikjara diversi zoni f’ħames provinċji Torok mal-kosta tal-Mediterran bħala ‘zoni ta’ diżastru’. Hu intant wiegħed li l-awtoritajiet għandhom ikomplu jieħdu l-passi kollha biex jikkumpensaw lin-nies għat-telfiet li ġarrbu filwaqt li jimminimizzaw kemm jistgħu t-theddida min-nirien.

Xi osservaturi qed jinkwetaw li, ‘il quddiem, kapaċi jinstabu aktar katavri maħruqin f’Manavgat fejn jiem ilu bdew jaqbdu ‘l-agħar nirien’.

U l-aħħar rapporti qalu li ‘il fuq minn 80 dar ġarrbu l-ħsarat mill-fjammi fil-provinċja ta’ Antalya u fejn mifhum li mietu aktar minn 2,000 annimal fl-irziezet. L-aħħar ċifri kienu kkonfermati mill-Ministru Tork għall-Agrikoltura ( u li hu wkoll responabbli mill-foresti) , Bekir Pakdemirli.

Intant, kollox qed jindika li sħana tremenda u n-nixfa tipika tas-sajf huma fatturi ewlenin wara din it-traġedja. Fl-istess ħin, il-wildfires ħakmu fi żmien meta diversi bnadi fl-Ewropa tal-Punent kellhom jindirizzaw inċidenzi serji ta’ għargħar fl-aħħar ġimgħat.

Dan waqt li x-xjenzati ilhom is-snin iwissu li l-bidliet fil-klima se jikkontribwixxu għal ‘estremitajiet tat-temp’ bħalma qed naraw, fosthom ħalbiet tax-xita ‘storiċi’ u sitwazzjonijiet ta’ għargħar sussegwenti – l-istess bħas-sħana straordinarja li qed tiġġenera nirien ta’ dan it-tip.