Lokali

Jibqgħu jappoġġjaw lil Joseph Muscat

Ikomplu l-manuvrar minn nies qrib il-Leader Robert Abela biex Joseph Muscat ma jitkeċċiex mill-Partit Laburista … anzi, jitqies bħala pilastru tal-Partit.

Wara li r-Rapport tal-Inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia tefa’ r-responsabbiltà ta’ dak li ġara fuq it-tmexxija ta’ Muscat, qed tikber il-pressjoni fuq Robert Abela biex ikeċċi lill-predeċessur tiegħu. Madankollu, hu ċar li l-Prim Ministru mhux komdu jagħmel dan. U dan ikkonfermah diversi drabi, anke meta mistoqsi fl-ahhar jiem mill-ġurnalisti.

Biex ikompli jipproteġi lil Muscat u ma jkeċċihx minn Membru tal-Partit, nies qrib Abela qed jużaw gruppi privati fuq Facebook biex jippromwovu petizzjoni online ħalli l-eks Mexxej Laburista jingħata l-appoġġ u l-fiduċja.

Fost l-oħrajn, hemm il-grupp privat “Laburisti Sal-Mewt l-Oriġinali”, li biex tidħol fih saħansitra tintalab tibgħat ritratt tat-Tessera lill-Amministratur … l-istess persuna li fil-grupp qed jobbliga lill-membri biex jikkupjaw status b’messaġġ ta’ appoġġ u fiduċja għal Muscat.

NET News jinsab infurmat li din l-ordni oriġinat mill-kurituri ta’ Kastilja, ladarba Robert Abela jħossu obbligat ikompli jiddefendi lill-predeċessur tiegħu. Fil-fatt, kien wieħed minn dawk qrib il-Prim Ministru li orkestra dawn il-messaġġi u ċċirkolahom fil-gruppi li fihom ikun hemm il-partitarji Laburisti. L-istess tip ta’ messaġġ qed idur ukoll fi grupp ieħor għall-partitarji Laburisti, li saħansitra jqisu lil Muscat bħala pilastru tal-Partit Laburista.

Hu mifhum li nies qrib il-Prim Ministru qed jaħdmu wkoll fuq il-possibbiltà li l-eks Prim Ministru – li fl-2019 kien iċċertifikat bħala l-aktar persuna korrotta fid-dinja – jintalab jindirizza lill-partitarji Laburisti f’xi attività tal-massa fil-futur qrib bħala ‘show of force’ għal Robert Abela.

Dan fl-istess waqt li l-Prim Ministru qed jipprova jsib kull okkażjoni biex jaħrab milli mqar jiċħad lil Joseph Muscat.