Lokali

Konferma oħra tal-korruzzjoni: Uffiċjal tal-Awtorità tal-Artijiet ikollu jirriżenja wara kunflitt ta’ interess

Konferma oħra tal-korruzzjoni fi ħdan il-Gvern Laburista waslet wara li Uffiċjal fl-Awtorità tal-Artijiet intalab jirriżenja wara li ma ddikjarax kunflitt ta’ interess dwar kirja ta’ art pubblika fl-Isla għal ristorant li hu stess hu involut fih.

L-istorja kienet żvelata mit-Times of Malta u titratta lil Matthew Zammit, li ilu għal dawn l-aħħar snin involut sew fil-Partit Laburista. Fil-fatt, il-ġurnal fakkar kif Zammit kien kanvasser tal-Ministru Michael Falzon.

Madankollu, NET News jinsab infurmat li dan hu wkoll persuna qrib ħafna tal-Ministru Miriam Dalli u anke tal-eks Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet James Piscopo. Fil-fatt, għal xi snin hu kien ewlieni fil-kampanja tal-Ministru Miriam Dalli, anke meta kienet tikkontesta fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Sadanittant, il-ġurnal irrapporta li appena ra li d-deal tal-kirja kienet assigurata, Zammit beda jippromwovi r-ristorant. Kawża ta’ dan, u minħabba li kien parti mis-senior management tal-Awtorità, hu kien ikklassifikat bħala li kellu kunflitt ta’ interess, f’okkażjoni oħra ta’ korruzzjoni fi ħdan il-Gvern Laburista.

Madankollu, il-ġurnal jirrapporta wkoll li, għalkemm il-każ jista’ jwassal għal proċeduri kriminali, s’issa għadu mhux ċar jekk il-Pulizija hux qed tinvestiga l-każ.