Lokali

Il-Ministru Zammit Lewis jgħid “dejjem imxejt b’integrità” – jiddefendi l-fatt li sejjaħ lill-Laburisti “ġaħan”

“Il-bieraħ ma ħareġ xejn ġdid fuqi. Jien dejjem imxejt b’integrità”.

Kien b’dan il-mod li l-Ministru Edward Zammit Lewis indirizza lill-ġurnalisti ta’ Net News meta kmieni dalgħodu affaċjawh bid-domandi qabel daħal Kastilja għal-laqgħa tal-Kabinett. Viżibbilment skomdu, il-Ministru tal-Ġustizzja fetaħ attakk fuq il-Partit Nazzjonalista minflok wieġeb għall-mistoqsijiet tagħna.

U minkejja li Zammit Lewis prova jimplika li fi tmiem il-ġimgħa ma ħarġet ebda aħbar fuqu, ir-realtà hi għal kollox differenti.

Ilbieraħ, is-Sunday Times żvelat li l-Ministru Edward Zammit Lewis kien qed jikkonfoffa ma’ Yorgen Fenech waqt li kien qed jagħmel kampanja kontra l-ġustizzja. Din il-qrubija ta’ Zammit Lewis ma’ Fenech ilha snin magħrufa, iżda ċ-chats li ħarġu fl-aħħar jiem komplew jagħtu kuntest għal dak kollu li kien ilu għaddej sa minn mindu sar magħruf li Yorgen Fenech – akkużat b’kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black.

Intant, il-Ministru Zammit Lewis baqa’ jiddefendi l-frażi “ġaħan” li uża hu stess – anzi, stqarr li din użaha f’kuntest fejn qed jgħid li l-Laburisti jridu l-klijenteliżmu.