Lokali

X’qed jistenna l-Prim Ministru Robert Abela biex ineħħi lill-Ministru Zammit Lewis?

Repubblika tqis li Edward Zammit Lewis ma jistax jibqa’ jservi ta’ Ministru responsabbli mill-Ġustizzja u l-Ġovernanza wara dak li kien żvelat il-bieraħ minn The Sunday Times.

Fi stqarrija, l-organizzazzjoni qalet li hu inaċċettabli li l-Ministru tal-Ġustizzja u l-Governanza jkun bniedem li qagħad jiżżufjetta ma’ Yorgen Fenech meta kien magħruf li dan kien sid il-kumpanija 17 Black, li permezz tagħha kien ippjanat li jgħaddu eluf ta’ ewro kuljum f’korruzzjoni mal-Power Station tal-Electrogas.

Repubblika fakkret kif, barra minn hekk, Zammit Lewis qagħad ukoll jirridikola lil min mar il-Qorti biex din il-korruzzjoni tkun investigata. Hu għalhekk li pajjiżna jeħtieġ azzjoni kontra l-impunità li ħakmitna, ladarba l-paroli waħdu ma jfisser xejn.

L-organizzazzjoni qalet li l-Prim Ministru Robert Abela għandu għażla ċara u sempliċi quddiemu: jew ineħħi lill-Ministru Zammit Lewis jew jerfa’ fuq spallejh ir-responsabbiltà ta’ għemilu.

Repubblika ħeġġet lill-Maltin u lill-Għawdxin kollha ta’ rieda tajba biex għada, fis-7.30pm, fi spirtu ta’ protesta jattendu għall-konferenza tal-aħbarijiet li se jagħmel Robert Aquilina f’isem Repubblika, quddiem l-Auberge D’Aragon, fi Pjazza Indipendenza fil-Belt.