Lokali Qorti

Avukat jgħid li raġel akkużat b’serq ta’ għodda jikxef il-problemi ta’ faqar f’Malta

Raġel inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li seraq madwar €35,000 f’għodda minn sit industrijali. Joseph Galea ta’ 31 sena mis-Siġġiewi ġie akkużat bis-serq aggravat tal-għodda quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace.

L-Ispettur Kurt Zahra akkuża wkoll lil Galea, li jaħdem bħala kollettur tal-iskart, bi ħsara kriminali u li saq skuter mingħajr liċenzja. Galea wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. L-avukat tiegħu, Mario Mifsud, talab il-libertà proviżorja.

Spjega li r-raġel kien parti mill-problema moħbija tal-faqar f’Malta. L-Avukat difensur qal li l-pajjiż żgur li mhux miexi fuq ir-rubini u jeżistu problemi reali. Galea għandu sebat itfal u mhux ħafna xogħol, kompla l-avukat.

“Huwa għadu kif ħalla l-ħabs, għandu dawk it-tfal kollha u ma jiflaħx jitlef l-impjieg tiegħu. Dan huwa każ ġenwin, huwa qal lill-Qorti,” qal l-avukat waqt li spjega li ilu jsegwi l-każ tiegħu u xi ġranet spiċċa jixtrulu l- ħalib għat-tfal tiegħu flimkien mas-social worker.

L-Ispettur Zahra oġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest, u rrimarka li kien hemm xhieda ċivili li għad iridu jixhdu u għalhekk hemm il-biża li jiġu kontaminati l-provi filwaqt li r-raġel kien diġà barra fuq diversi kundizzjoni dwar il-libertà proviżorja. Il-qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.