Lokali

Ian Abdilla sospiż mill-Korp tal-Pulizija…ħames snin tard

Ian Abdilla kien qal li ma kellux "evidenza" biex jissekwestra s-servers ta' Nexia BT

Fl-aħħar ħin kien magħruf li l-assistent Kummissarju tal-Pulizija Ian Abdilla ġie sospiż. Dan ġie żvelat mit-Times of Malta.

Din is-sospensjoni waslet wara li fl-aħħar jiem kienet ippubblikata l-inkjesta pubblika tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia – inkjesta li tikkonferma kif Abdilla u l-Korp tal-Pulizija raqdu meta ġew biex jindirizzaw il-fatti li ħarġu mill-Panama Papers.

Issa, ħames snin tard, Ian Abdilla ġie sospiż.

Il-Kummissarju preżenti Angelo Gafa’ kien żamm lill-istess Abdilla bħala Assistent Kummissarju. Abdilla huwa l-istess persuna li qal illi ma kellux evidenza biżejjed biex imexxi dwar il-Panama Papers u biex jinvestiga lil Nexia BT. Dan fl-istess waqt li madwar id-dinja – fl-2016 – kienu qed jiġu arrestati politiċi u nies ta’ ċertu statura fid-dinja tan-negozju u s-servizzi finanzjarji.

Il-Korp qed jgħid li l-uffiċjal kien sospiż skont ir-regolamenti dixxiplinari tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.