Lokali

“Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fl-aħjar interess tat-tfal”

Fi stqarrija l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal jixtieq jenfasizza t-tħassib tiegħu, kif ġie mxandar diġa fuq il-midja soċjali, dwar dawk iż-żewġ ommijiet li ntbagħtu l-ħabs u li għandhom tfal żgħar ħafna.

Artiklu 9 tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet tat-Tfal jgħid, b’mod ċar, li t-tfal m’għandhomx jiġu mifruda minn mal-ġenituri tagħhom. L-istess Artiklu jgħid ukoll li jekk għal xi raġuni jew oħra t-tfal jiġu sseparati minn mal-ġenituri, għandhom ikollhom relazzjonijiet u kuntatt dirett mal-ġenituri tagħhom.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-Awtoritajiet għandhom jieħdu azzjoni sabiex jassiguraw li dawn it-tfal jkunu protetti u li d-deċiżjonijiet li jittieħdu, jittieħdu fl-aħjar interessi tagħhom. L-Uffiċċju tal-Kumissarju għat-Tfal jappella lill-Ġudikatura biex f’każijiet bħal dawn, turi sensitività u li tassigura d-drittijiet tat-tfal.

Id-deċiżjoni li ttieħdet biex dawn iż-żewġ ommijiet imorru l-habs għandha tiġi riveduta kemm jista’ ikun malajr. Sadanttant, l-Uffiċċju jħeġġeġ l-entitajiet kollha involuti biex jassiguraw li t-tfal jiġu mħarsa, li jkollhom kuntatt xieraq m’ommhom u li tiġi rispettata l-privatezza tagħhom.