Lokali Qorti

Il-PN jippretendi li d-drittijiet tat-tfal u d-drittijiet tal-vittmi tat-traffikar jiġu garantiti fil-prattika

Fid-dawl tal-każ ta’ żewġ nisa li ġew mixlija l-Qorti l-ġimgħa li għaddiet u li s-sejba ta’ ħtija tagħhom waslet għal terminu ta’ priġunerija u għalhekk it-tfal bogħod mill-genituri, il-Partit Nazzjonalista jsejjaħ lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex jordna lill-Ministru Michael Falzon u lill-Ministru Byron Camilleri ħalli flimkien jinvestigaw u jagħtu rendikont dwar jekk il-protokolli kollha għall-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal u l-ħarsien ta’ vittmi ta’ traffikar ġewx imħarsa u segwiti f’dan il-każ. Dan il-każ iqajjem ħafna mistoqsijiet li jridu jkunu ċċarati. Fosthom:

  • Xi rwol kellu d-direttorat tal-protezzjoni tat-tfal?
  • Il-proċess u l-proċeduri fl-applikazzjoni tal-protokolli ezistenti kienu fl-aħjar interess tattfal?
  • Għalfejn it-tfal ġew esposti għall-proċeduri drammatiċi fil-qorti li possibilment kellhom
    effetti trawmatiċi fit-tul fuq it-tfal?
  • X’tip ta’ kuntatt fundamentali hemm bejn it-tfal u ommijiethom?
  • Kien hemm interpreti u/jew persuni li verament jifhmu l-kultura tal-ommijiet u tat-tfal?
  • Ġew segwiti l-protokolli sabiex jigi magħruf b’mod effettiv li l-ommijiet in kwistjoni u
    sahansitra t-tfal humiex vittmi tat-traffikar?
  • Min wettaq tali proċeduri? U dawn ġew esegwiti b’mod li setgħu jeskludu li huma vittmi ta’ traffikar?

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Viċi Kap tal-PN David Agius, u mid-deputati Claudette Buttigieg u Therese Comodini Cachia.

Iż-żewġ Ministeri, l-Ministru għas-Solidarjetá u l-Ġustizzja Soċjali, l-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtá Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, għandhom ukoll jinvestigaw jekk kienx hemm xi nuqqas fir-rigward tal-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal in kwistjoni u f’kull każ ieżor li involva tfal oħra, kif ukoll fir-rigward tal-ħarsien tal-protezzjoni lill-vittmi ta’ traffikar kemm kif allegatament setgħu kienu dawn iż-żewġ ommijiet u f’każijiet oħra li setgħu nvolvew vittmi oħra. F’din l-investigazzjoni il-Ministeri huma mħeġġa jidentifikaw fejn kienu n-nuqqasijiet u jindirizzawhom b’miżuri effettivi.

Il-Partit Nazzjonalista iħeġġeġ lil kull entitá eżekuttiva tal-iStat li hija konnessa ma dan il-każ sabiex jassiguraw li d-drittijiet tat-tfal in kwistjoni qegħdin jiġu mħarsa bl-aktar mod effettiv, u sabiex jiġi investigat b’mod effiċjenti u malajr jekk l-ommijiet humiex vittmi ta’ traffikar ħalli jingħataw minnufih il-protezzjoni meħtieġa jekk jinstab li huma hekk.