Il-Knisja Kolleġġjata ta’ San Lawrenz fil-Birgu ngħatat dehra ġdida hekk kif giet inawgurata l-pittura l-ġdida tal-koppla – ħolma li kienet ilha tberren snin sħaħ, u li sa fl-aħħar saret realtà.
Il-koppla tal-Kolleġjata nbniet fl-1954, wara li dik l-antika ġġarfet kawża tal-attakk fuq HMS Illustrious f’Jannar tal-1941…fl-eqqel tal-gwerra. U minn wara l-gwerra, il-koppla kienet tħalliet fuq il-ġebla.
Madanakollu, il-ħolma tal-Arċipriet preżenti, il-Kanonku Dun Karm Busuttil, flimkien mal-Kapitlu tal-Kolleġġjata, wasslet biex jitwettaq dan il-proġett tal- pittura.
L-Arċipriet mhux biss iddedika ħafna enerġija u ħsieb fuq dan il-proġett, imma xtaq ukoll li hu u l-familja tiegħu jidħlu għall-ispiża tal-pittura. Fil-fatt, l-ispejjeż inqassmu bejn l-Arċipriet u fondi oħra tal-parroċċa.
Minbarra l-pittura li saret mill-artist Għawdxi Manuel Farrugia, li tinkludi 44 figura, saru twieqi ġodda għall-anterna u kienu rrestawrati t-twieqi tal-parti t’isfel. L-induratura saret minn Roderick Busuttil, waqt li Lawrence Avellino u Arthur Demarco kienu responsabbli għall-installazzjoni tad-dawl artistiku. Joseph Micallef ħadem fuq l-iskultura li kienet nieqsa. Ix-xogħol kollu sar taħt is-superviżjoni tal-Perit Ennio Ellul.
Il-proġett ġie inawgurat il-Ħadd filgħaxija fejn ittellgħet Akkademja mis-Soċjetà Mużikali San Lawrenz tal-Birgu, li saret fl-istess Knisja.
Fi tmiem l-Akkademja, ġiet inawgurata l-pittura, fost ferħ kbir min-nies preżenti li kienu ilhom snin jistennew dan il-mument.
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm l-Arċisqof ta’ Malta, Charles Scicluna, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, id-Deputat Stephen Spiteri, il-Kunsillier Anton Gellel kif ukoll persuni oħra distinti.
//= $special ?>