Lokali

Jesmond Saliba jinħatar Kummissarju għall-għaqdiet volontarji

Jesmond Saliba ġie maħtur bħala l-Kummissarju l-ġdid għall-għaqdiet volontarji.

Huwa ħadem fis-settur pubbliku, f’dak privat u fil-qasam tal-volontarjat fejn matul il-karriera tiegħu kien fdat, fost l-oħrajn, bit-tfassil tal-politika ta’ diversi entitajiet u r-relazzjonijiet ma’ msieħba diversi fis-soċjetà. Għandu wkoll esperjenza estensiva fix-xandir.

Jesmond Saliba ilu involut fis-settur tal-volontarjat għal bosta snin, minn dak mużikali u sportiv fil-lokalità tal-Fgura għal dak sportiv fuq livell nazzjonali, fosthom il-Malta Volleyball Association. Għal dawn l-aħħar għaxar snin ilu membru fil-Bord tad-Diretturi tad-Dar tal-Providenza u huwa wkoll membru ta’ Fondazzjoni Sebħ u Save a Life.