Lokali

Jiem ta’ sħana u qtugħ fil-provvista tad-dawl

“13-il siegħa bla dawl – Misskom tistħu fl-eqqel tas-sajf”.

Dan huwa biss wieħed mill-ħafna kummenti li dehru fuq il-midja soċjali hekk kif bosta residenzi fl-aħħar jiem esperjenzaw qtugħ ta’ elettriku.

Persuna partikolari qalet li fl-aħħar 4 t’ijiem kuljum kien qed jinqata d-dawl u n-nies qed jilmentaw dwar dan in-nuqqas. Oħrajn qalu li ma jifilħux aktar bis-sħana tremenda li Malta qed taffaċċja fl-aħħar jiem.

Kumment ieħor tefa’ dawl fuq kif suppost il-powestation tal-gass kienu qalu li se ssolvi kollox, imma fir-realtà mnalla jkun l-interconnector.

Il-persuna kompliet li “l-vapur tal-gass lanqas bħala stepney mhu tajjeb” u spiċċa billi saqsa fejn marru flus il-Maltin, b’wieħed iwieġeb li flusna marru għand “l-Egrant u Hearnville.”  

Persuna oħra qalet li bl-investiment li sar fil-powerstation minn flus il-Maltin għandna suppost inbiegħu l-elettriku, u tenna li l-Ministru ta’ dak iż-żmien seraq lill-poplu Malti ħaj. Filwaqt li raġel iehor għażel li jkun sarkastiku u qal li żgur li l-powerstation tal-gass qed taħdem għax kieku mhux jinqata’ d-dawl.

Fl-istess post kien hemm kumment ieħor li qal li mhux aċċettabbli li kuljum qed jinqata’ d-dawl u persuna oħra qalet li miskin dak li jkollu l-affarjiet fil-fridge għax ikollu jarmi kollox, bl-ispejjeż ikomplu jiżdiedu. Dan apparti l-fatt li rċevejna messaġġi oħrajn fejn kien hemm ħafna li ġarrbu ħsarat fl-appliances tagħhom.

Ix-xahar li għadda dan l-istazzjon irċieva għadd ta’ lmenti minħabba qtugħ ta’ dawl fil-limiti tal-Imġarr, inkluż iż-Żebbiegħ u kif ukoll fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, fil-limiti ta’ Limbordin. Il-persuni li tkellmu magħna qalu li għamlu ljieli bla dawl, bil-problema tkun solvuta jiem sħaħ wara, b’dawn ir-residenti jagħmlu ġranet twal bla elettriku.