Internazzjonali

L-Afganistan…Żviluppi li jistgħu jheddu lis-sigurtà globali

Uffiċjali tal-Armata Afgana wissew dwar konsegwenzi devastanti għas-sigurtà tad-dinja f’sitwazzjoni fejn il-militanti Iżlamiċi tat-Taliban jispiċċaw jirbħu l-konflitt attwali mal-qawwiet tal-Gvern tal-Afganistan.

Il-Ġeneral Afgan, Sami Sadat, qed imexxi l-battalja kontra t-Talibani fil-provinċja ta’ Helmand, lejn in-nofsinhar tal-pajjiż – bl-aħħar rapporti jirreferu għal ġlied qalil f’Lashkar Gah li hi l-belt kapitali tal-provinċja.

In-Nazzjonijiet Uniti rrappurtat li nqatlu talanqas 40 persuna fi spazju ta’ 24 siegħa – waqt li t-Taliban qed jgħid li rnexxielu jaħtaf kontroll tal-parti l-kbira tad-distretti ta’ Lashkar Gah.

Madankollu, il-ġlied, għadu għadej, bil-qawwiet tal-Gvern Afgan jaħilfu li ma kenux se jippermettu li l-militanti jżidu din il-belt mal-artijiet li qed jikkontrollaw. Fil-fatt il-Ġeneral Sadat ma jeskludix li, minkejja s-suċċessi inizjali, it-Talibani x’aktarx li ma jirnexxilhomx isostnu l-assalt fuq  din il-belt.

Fl-istess ħin, it-Talibani qed ikunu imsaħħa minn ġellieda li jifformaw parti minn entitajiet militanti oħra.

F’każ li t-Talibani u l-militanti alleati jibqgħu jaħtfu l-artijiet fl-Afganistan, is-sitwazzjoni tippermetti biex il-gruppi ta’ estremisti żgħar jimmobilizzaw ukoll fl-ibliet tal-Ewropa u l-Istati Uniti – b’dan l-iżvilupp, bla dubju, għandu jħalli effett enormi għas-sigurtà globali.

Fil-fatt, Sadat u kapijiet militari oħra fl-Afganistan wissew li din mhix gwerra lokali biss…. iżda ‘gwerra bejn il-libertà u t-totalitarjaniżmu’.