Internazzjonali

L-Ukrajna: Jinvestigaw il-mewt ta’ attivist ewlieni mill-Belarus

Il-kap ta’ grupp li qed jgħin lill-persuni li ħarbu mill-Belarus fl-aħħar sigħat instab mejjet qrib id-dar tiegħu fl-Ukrajna.

Il-katavru ta’ Vitaly Shishov, attivist ewlieni favur id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Belarus, instab f’park ta’ Kyiv – l-għada li li hu kien ħareġ jiġri fl-inħawi. Intant, l-attivist instab mgħallaq fil-park, bil-pulizija qegħdin jitrattaw il-każ bħala omiċidju.

Intant, l-investigaturi qed jaraw jekk Shishov spiċċax il-vittma ta’ pjan għall-omiċidju u jekk l-awturi tar-reat ‘immanipulawx ix-xena biex jagħtu indikazzjoni ta’ suwiċidju’.

Vitaly Shishov kien qed imexxi l-‘Belarusian House’ fl-Ukrajna li qed tgħin persuni li jaħarbu mill-Belarus li jinsab taħt tmexxija totalitarja. Dan meta u l-pulizija fil-Belarus qed jużaw kontinwament il-ponn tal-ħadid mad-dimostranti li qed jopponu t-tmexxija tal-President Alexander Lukashenko u ma’ ċittadini oħra.