Internazzjonali

Lvant Nofsani: Żblokk sinifikanti fil-battalja legali twila dwar il-futur ta’ familji Palestinjani

Il-Qorti Ewlenija ta’ Iżrael ipproponiet pjan li jippermetti biex il-Palestinjani li kienu mhedda bi tkeċċija mil-Lvant ta’ Ġerusalemm jibqgħu fejn qegħdin.

Il-każ kien wieħed imqanqal u kontroversjali għall-aħħar, bil-Qorti Suprema Iżraeljana tibqa’ ma toħroġx ‘ruling’ biex tikkonkludi l-battalja legali twila. Dan meta l-messaġġ ewlieni mill-qorti kien biex tinstab forma ta’ kompromess fiċ-ċirkustanzi.

Il-proposta tesiġi biex numru ta’ familji Palestinjani jibqgħu jgħixu fir-residenzi tagħhom fiz-zona ta’ Sheikh Jarrah dment li huma jirrikonoxxu li l-art inkwistjoni hi l-proprjetà ta’ kumpanija Iżraeljana li tieħu ħsieb l-aspetti tar-residenza fl-inħawi.

Madankollu il-Palestinjani nkwistjoni għalissa qed jiċħdu  l-offerta li jikru djarhom mingħand din il-kumpanija – għalkemm l-avukati tagħhom esprimew tamiet li, ‘il quddiem, jintlaħaq xorta xi ftehim konkret.

L-issue, fl-aħħar xhur, kienet xprunat tensjoni kbira bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani.

It-theddida li l-Palestinjani jispiċċaw imkeċċija minn djarhom kienet iġġenerat vjolenza kbira bejn il-pulizija u l-Palestinjani f’Ġerusalemm – bil-qofol tal-inkwiet ikun il-konflitt ta’ 11-il jum bejn il-qawwiet Iżraeljani u l-militanti tal-Hamas fil-Medda ta’ Gaza. Dan meta l-militanti Iżlamiċi kienu sparaw il-missili lejn Iżrael bħala ‘ritaljazzjoni għall-persekuzzjoni tal-familji f’Sheikh Jarrah’.

Taħt il-pjan tal-qorti, il-Palestinjani – fosthom ‘il fuq minn 70 familja li kienu mhedda bi tkeċċija – għandhom jibqgħu fi djarhom bħala ‘inkwilini protetti’. Huma ma jistgħux jitneħħew mill-inħawi dment li ħallsu l-kiri lill-organizzazzjoni Lhudija li hi s-sid tal-art – b’dan qed jirrifletti speċi ta’ status quo li eżistiet sas-snin tmenin.

Intant, il-qorti tat lill-Palestinjani sa sebat ijiem biex jippreżentaw lista ta’ persuni li jikkwalifikaw għar-residenza – u fejn effettivament iddeferiet id-deċiżjoni finali sakemm il-lista tkun konkluża.

Il-każ kien attira attenzjoni kbira mill-komunità internazzjonali fejn spikkaw l-azzjonijiet tal-attivisti li jopponu l-proġetti għall-bini tar-residenzi tal-Iżraeljani fit-territorji okkupati.  Intant, l-Uffiċċju tad-Drittijiet Umani tan-Nazzjonijiet Uniti wissa li t-tkeċċijiet tal-Palestinjani minn Sheikh Jarrah, kapaċi jikkostitwixxu reat tal-gwerra taħt il-liġi internazzjonali.  

Iżrael kien okkupa l-art ta’ Ġerusalemm tal-Lvant waqt il-gwerra tal-1967 fil-Lvant Nofsani u fejn, imbagħad, għaqqad dan it-territorju ma’ artu. L-Iżraeljani ma jqisux Ġerusalemm tal-Lvant bħala art okkupata – anzi jemmnu li l-belt sħiħa hi l-kapitali leġittima tagħhom anki jekk ma jaħsbuhiex l-istess ħafna pajjiżi oħra.

Sadanittant, is-smigħ deċiżiv kien ukoll il-qofol ta’ kważi 30 sena ta’ proċeduri legali li bdew meta s-sidien (Lhud) irreġistrati ta’ Sheikh Jarrah  ippruvaw ikeċċu lir-residenti Palestinjani minħabba i-kera dovuta li baqgħet ma tħallsitx.