Lokali

“Meħtieġa miżuri urġenti biex nindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema” – MEA

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) ippubblikat ‘position paper’ b’numru ta’ rakkomandazzjonijiet sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas kroniku ta’ ħaddiema f’numru ta’ setturi fl-ekonomija Maltija.

L-MEA qed tipproponi numru ta’ miżuri kemm fl-immedjat kif ukoll fi żmien medju. Il-miżuri jirriflettu problemi bħal popolazzjoni li qed tixjieħ iżda wkoll mismanagement tar-riżors uman lokali.

Fost il-problemi identifikati mill-MEA hemm ir-rata għolja ta’ ‘early school leavers’, impjiegi żejda fis-servizz pubbliku u nuqqas ta’ tqabbil bejn l-impjieg u l-ħiliet meħtieġa għalih.

Fl-immedjat, l-MEA qed tipproponi li tintemm immedjatament l-iskema tal-Community Work u l-ingaġġ ta’ persuni mas-servizz pubbliku qabel kull elezzjoni ġenerali u ikunu introdotti iktar inċentivi biex persuni ikomplu jaħdmu wara l-eta’ tal-irtirar. Iktar fit-tul għandhom jiddaħħlu miżuri u strateġija li jnaqqsu d-dipendenza tal-pajjiż fuq il-ħaddiema barranin.