Lokali

Min kisser il-governanza tajba ma jistax isewwiha – PN

Edward Zammit Lewis ma jistax iwettaq il-bidliet mitluba mill-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għaliex huwa stess wera biċ-ċar li mhux kapaċi jżomm id-distanza meħtieġa min-negozjanti li kellhom intenzjoni ta’ korruzzjoni. Dan hu propju li qed jitolbu l- imħallfin fl-inkjesta pubblika.

Dan kien il-messaġġ li ħareġ f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem Ewlini tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius, mill-President għar-Riċerka Politika, Martina Caruana, u d- deputat Karol Aquilina.

Wara li sar magħruf li Edward Zammit Lewis żamm u ħa ħsieb ħbiberija kbira ma’ Yorgen Fenech, il-pożizzjoni tiegħu bħala Ministru tal-Gvern m’għadhiex aktar tenibbli. Edward Zammit Lewis minn jeddu tħabbeb ma’ Yorgen Fenech, tah l-appoġġ tiegħu fi żmien wara li kien sar magħruf li Yorgen Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black. Sallum Edward Zammit Lewis għadu ma jara xejn ħażin li huwa ħabib kbir ta’ Yorgen Fenech, li jinsab akkużat bl- assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u li hu s-sid ta’ 17 Black.

Għalhekk wara li sar magħruf dan kollu huwa ċar għal kulħadd li Edward Zammit Lewis ma jistax ikun il-Ministru tal-Ġustizzja li jkun fdat biex iwettaq dawn il-bidliet li l-inkjesta tirrakomanda biex jiġu evitati reati ta’ abbuż.

It-tliet imħallfin li għamlu l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia għamluha ċara fir-rapport tagħhom li jeħtieġ li jsiru numru ta’ bidliet fil-liġijiet ta’ pajjiżna biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità minn persuni f’kariga pubblika.

Fost oħrajn it-tliet imħallfin jirrakomandaw li jidħlu fis-seħħ numru ta’ reat ġodda:

  1. Ir-reat ta’ abbuż ta’ uffiċċju
    Dan ir-reat ifisser li persuna li tkun f’kariga pubblika li tabbuża mill-pożizzjoni tagħha tkun ħatja ta’ reat.
  2. Ir-reat ta’ obstruction of justice inkluż depistaggio
    Dan ir-reat ifisser li jekk persuna b’kariga pubblika tfixkel jew tittanta tfixkel lill-Pulizija jew awtoritajiet oħra fil-qadi ta’ dmirijiethom fosthom investigazzjonijiet ta’ reati, hija tkun ħatja ta’ reat serju. Hemm ukoll ir-reat ta’ depistaggio jiġifieri meta persuna toħloq traċċi fil-kuntest ta’ delitt biex tiddevja s-suspett minn fuq min wettaq ir-reat.
  3. Ir-reat ta’ di associazione di stampo mafioso
    Dan ifisser li jkun hemm reat separat kull meta persuni flimkien joħolqu u jissuġġettaw lil ħaddieħor għal intimidazzjoni u omertà biex ikunu jistgħu jiksbu vantaġġ inġust u illegali fuq ħaddieħor.
  4. Unexplained Wealth Orders

L-Unexplained Wealth Orders huma għodda f’idejn l-Istat biex jirkupra assi (bini, karozzi, yacht eċċ) li ma jkunux jaqblu mad-dħul ta’ persuna, iġifieri meta persuna ma tkunx tista’ turi minn fejn ġabet il-flus biex tgħix ħajja lussuża.

L-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni ta’ sfiduċja f’Edward Zammit Lewis. Sostniet li jekk Abela hua serju jid jappoġġja l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni. Għaddew 24 siegħa minn meta l-Oppożizzjoni resqet il-mozzjoni u Robert Abela għadu ma ħax azzjoni.