Lokali

Raġel isofri ġrieħi gravi wara li waqa’ minn gallarija

Raġel ta’ 67 sena mis-Swieqi weġġa’ gravi wara li kien involut f’inċident f’sit ta’ kostruzzjoni. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-siegħa neqsin kwart ta’ waranofsinhar fi Triq in-Naxxar, San Ġwann.

Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari, irriżulta li fil-ħin tal-inċident, raġel ta’ 67 sena kien qed jagħmel xi xogħol fis-sit waqa’ madwar sular minn gallarija.

Tim mediku assista lir-raġel fuq il-post fejn aktar tard hu ġie ċċertifikat li qed isofri ġrieħi gravi.

L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan il-każ għadha għaddejja.