Lokali

Reazzjonijiet pożittivi fost l-Għawdxin għall-proposti tal-PN

Reazzjonijiet pożittivi għall-proposti tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex –  viżjoni b’għan ċar; dak li l-aċċess bejn Malta u Għawdex ma jibqax sfida ta’ kuljum għall-ħajja tal-Għawdxin.

Dwar dawn il-proposti kellimna ma’ Joe Muscat il-Kap Eżekuttiv tal-Assocjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu li spjega liem kienu dawk il-proposti li l-iktar laqtuh filwaqt li saħaq li bħala assoċjazzjoni ilhom jipprovaw biex dawn il-miżuri jidħlu fis-seħħ. Tkellimna wkoll ma’ Daniel Borg, Kap Eżekuttiv tal-Gozo Business Chamber li wkoll spjega x’jaħsen dwar il-proposti tal-Partit Nazzjonalista.

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem għal Għawdex Chris Said, mid-Deputat Joe Ellis u mill-kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali Alex Borg, it-Tnejn il-PN nieda aktar proposti frott id-diskussjoni fil-Cluster dedikat għal Għawdex. Dawn il-proposti huma ispirati mis-serjetà li dejjem ħadem biha il-PN – proposti li fihom jinkludu l-bilanċ neċċessarju bejn aċċessibiltà eċċelenti u miżuri li huma sostenibbli u responsabbli.

Gvern ġdid Nazzjonalista, qed jipproponi li jkabbar il-port ta’ l-Imġarr biex dan ilaħħaq mal-bżonnijiet tal-passiġieri. Il-pjan tal-port irid jinkludi wkoll aktar spazju għall-parkeġġ. Propost ukoll żewġ vapuri ġodda oħra, wieħed għall-passigieri u wieħed iddedikat għall-merkanzija u b’hekk jiġi introdott servizz tal-merkanzija lejn il-Port il-Kbir. Il-PN qed ikompli jinsisti li jsiru l-istudji kollha neċċessarji dwar il-mina bejn Malta u Għawdex.Kif ukoll konsultazzjoni mal-poplu Għawdxi permezz ta’ referendum dwar il-mina wara li jiġu ppublikati l-istudji u ssir konsultazzjoni wiesgħa. Il-PN se jikkonsidra anke servizzi bl-ajru bejn iż-żewġ gżejjer.