Lokali

“Robert Abela għandu jkeċċi minnufih lil Edward Zammit Lewis” – Repubblika

"Jekk Robert Abela ma jieħux azzjoni, ifisser li huwa kompliċi daqshom" - Robert Aquilina

Appell biex Robert Abela jkeċċi lil Edward Zammit Lewis. Il-Ministru li llum kulħadd jaf li kellu relazzjoni ma’ Yorgen Fenech waqt li kien magħruf li l-istess Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black u l-persuna akkażuta b’kompliċita fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.  

Dan kien wieħed mill-messaġġi li għadda l-President ta’ Repubblika Robert Aquilina tul konferenza tal-aħbarjiet li ttellat quddiem l-Berġa t’Aragona fil-Belt Valletta.

Intqal li sal-lum Edward Zammit Lewis għadu ma jara xejn ħażin li huwa ħabib kbir ta’ Yorgen Fenech u mill-ġdid ġie mtenni biex Edward Zammit Lewis jirriżenja mingħajr dewmien, u li fin-nuqqas li jagħmel hekk minn jheddu, Robert Abela għandu jkeċċih minnufih.

Repubblika kompliet li pajjiżna jixraqlu li l-kariga ta’ Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza tajba tkun okkupata minn persuna li ma tkunx assoċċjat ruħha ma’ individwi li dwarhom kien hemm diġà allegazzjonijiet serji

L-appell kompla li l-ġimgħa l-oħra, il-Prim Ministru Robert Abela ddikjara li se jkun qed iwettaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Aquilina kompla li issa l-Prim Ministru jrid jurina li dan id-diskors ma kienx biss ‘pożi’, u jrid juri li tassew irid ibiddel ir-rotta.

Robert Aquilina qal li jeħtieġ li l-Gvern u l-awtoritajiet jiddefendu l-ħaddiema, iżda minflok li llum qed jipproteġu l-poplu, minflok ipoġġu lil Malta l-ewwel u qabel kollox, jagħżlu li jkunu ħaġa waħda mal-kriminali.

Dwar is-sospensjoni ta’ Ian Abdilla ntqal li issa l-Kummissarju ġie fi kliem Repubblika u ssospenda lil Abdilla, iżda din id-deċizzjoni saret tard wisq. L-appell kompla biex isir dak kollu possibbli biex noħorġu mil-lista l-griża tal-FATF u n-nuqqas ta’ azzjoni ta’ Robert Abela u l-Gvern Laburista mhux qed jgħinu.