Lokali

Robert Abela jfalli fl-ewwel test tal-governanza wara l-pubblikazzjoni tal-inkjesta pubblika

L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rapprezentanti llum irrifjuta t-talba l-mozzjoni parlamentari mressqa lbieraħ mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sabiex il-Parlament jiltaqa’ b’urġenza biex jiddiskuti l-każ tal-Ministru Edward Zammit Lewis. Dan wara li l-Gvern ma qabilx mat-talba tal-Oppożizzjoni.

Din it-talba saret wara li ġie żvelat li Edward Zammit Lewis kien qed jikkonfoffa u jiddieħak ma’ Yorgen Fenech dwar talba li saret mill-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil biex issir inkjesta dwar il-kumpanija 17 Black imwaqqfa f’Dubaj u dwar l-iskandlu tal-Panama Papers.

Fl-ewwel okkażjoni li kellu Robert Abela sabiex jaċċetta l-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika falla mill-ewwel u ma kienx kapaċi jagħraf li Edward Zammit Lewis m’għandux jibqa’ jokkupa l-kariga ta’ Ministru tal-Gvern. Jidher biċ-ċar li Robert Abela għandu idejh marbuta meta jiġi biex jaġixxi fil-konfront ta’ ċerti persuni fil-kabinett tiegħu, a kuntrarju ta’ oħrajn bħal Rosianne Cutajar u Justyne Caruana.

Min kisser il-governanza tajba ma jistax isewwieha u għalhekk Edward Zammit Lewis ma jistax iwettaq il-bidliet mitluba mill-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għaliex kien f’konfoffa hu stess mas-sid ta’ 17 Black. Per eżempju kif ser jintroduċi rrakkomondazzjoni għall-introduzzjoni ta’ liġi kontra l-abbużi minn persuni li jokkupaw kariga pubblika, jekk din l-stess liġi ser iddawwar l-azzjonijiet tiegħu reat kriminali?

Għalhekk, u minħabba f’dan il-konflitt, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista terġa ssejjaħ lill-Ministru Edward Zammit Lewis biex jirriżenja mingħajr dewmien, u fin-nuqqas li jagħmel hekk minn jheddu, Robert Abela għandu jkeċċieh minnufih. Pajjiżna jixraqlu li l-kariga ta’ Ministru għallĠustizzja u l-Governanza tkun okkupata minn persuna li ma tkunx assoċċjat ruħha ma’ individwi li dwarhom kien hemm diġá allegazzjonijiet serji u li ma tkunx ipparteċipat filħolqien u t-tħaddim ta’ kultura ta’ impunità li wasslet għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.