Lokali

“Robert Abela ma talabnix nirriżenja” – Edward Zammit Lewis

Affaċjat bid-domandi ta’ Net News, dalgħodu barra l-Ministeru tal-Ġustizzja, il-Ministru Edward Zammit Lewis ikkonferma li l-Prim Ministru Robert Abela ma talbux biex jirriżenja.

Zammit Lewis ikkonferma li jitkellem b’mod regolari ma’ Robert Abela u għandhom relazzjoni tajba. Dan filwaqt li kkonferma wkoll ir-relazzjoni tiegħu mal-allegat kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-Ministru tal-Ġustizzja saħaq li hu dejjem wettaq xogħlu b’integrità u li hekk se jkompli jagħmel.

Il-mistoqsijiet tagħna lill-Ministru waslu wara li l-ġurnal The Sunday Times żvelat li Edward Zammit Lewis kien qed jikkonfoffa ma’ Yorgen Fenech waqt li kien qed jagħmel kampanja kontra l-ġustizzja.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kiteb lill-Ispeaker sabiex ilaqqa’ l-Parlament b’urġenza biex jiddiskuti mozzjoni Parlamentari ta’ sfiduċja kontra l-istess Ministru tal-Ġustizzja Zammit Lewis. Dan wara li minflok ma Edward Zammit Lewis appoġġja sforzi biex tkun żgurata investigazzjoni dwar il-kumpanija ta’ korruzzjoni ta’ Fenech, 17 Black, Zammit Lewis daħak bih u ddeskrivieh bħala “theddida għas-saltna tad-dritt” filwaqt li bagħat messaġġi lil Fenech biex ifittex l-approvazzjoni tiegħu. Huwa qal ukoll lil Yorgen Fenech li l-votanti Laburisti huma “ġaħan” u li ma jfittxux il-kompetenza politika iżda “tfal u pożi”. Net News staqsa dwar dawn il-messaġġi iżda l-Ministru baqa’ ma skużax ruħu mal-Laburisti u qalilna li hu laburist minn ġuf ommu.

Il-mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista li tressqet mill-Kap tal-Partit Bernard Grech, mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Robert Cutajar u mid-Deputati Joseph Ellis u Karol Aquilina se tkun l-ewwel test għall-grupp parlamentari tal-Labour biex juru bil-fatti li tgħallmu l-lezzjoni tagħhom u li verament lesti jaħdmu fl-interess nazzjonali.

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jittama li Robert Abela u d-deputati tiegħu jivvutaw favur din il-mozzjoni, sabiex jingħaqdu mal-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex jibda jitnaddaf isem pajjiżna.