Lokali Qorti

Flus iċċirkolati fil-Marsa li kienu jmorru għal irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Sid ta’ ħanut fil-Marsa xehed kif kien serva bħala l-intermedjarju biex jagħti l-flus lil ħu l-aħwa Degiorgio, iż-żewġt irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Joseph Brincat xehed kif Lawrence Pace, magħruf bħala il-‘Lolly’, kien jagħtih il-flus, li mbagħad kien jgħaddihom lil Mario Degiorgio.

Mario jiġi ħu Alfred u George Degiorgio, it-tnejn akkużati li qatlu lil Daphne Caruana Galizia. Brincat kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-provi kontra l-allegat moħħ tal-qtil Yorgen Fenech. Fix-xhieda li kien ta fil-passat, Pace kien qal li l-intermedjarju Melvin Theuma se jagħtih il-flus biex hu jgħaddihom lil Mario.

Il-flus apparentement kienu jingħataw minn Fenech bħala parti minn arranġament biex jiffinanzjaw l-ispejjeż tat-tliet irġiel akkużati li qatlu lil Caruana Galizia, Alfred u ħuh George Degiorgio, u Vince Muscat, li kienu ġew arrestati f’Diċembru 2017. Il-flus imbagħad jingħataw lil Brincat, li jagħtihom lil Mario kontra rċevuta.

Brincat xehed li Pace kien avviċinah f’Ġunju, madwar sena wara li l-aħwa Degiorgio ġew arrestati b’rabta mal-qtil. “L-iktar li tani Pace kien €300 xi mdaqqiet € 200, B’kollox dan ġara madwar erba ‘darbiet. Dan seħħ darba fil-ġimgħa u ġara fuq medda ta’ erba’ sa sitt ġimgħat, ”qal Brincat. Ix-xhud qal lill-qorti li Pace qallu li l-flus kienu maħsuba biex jagħtu €100 kull wieħed lill-aħwa Degiorgio u lil Muscat.

Il-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kompliet fil-konfront ta’ Fenech, ta’ 38 sena, li ilu għaddej kumpilazzjoni sa minn Diċembru tal-2019 quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.

Qabel ma spiċċa arrestat in-negozjant Fenech kien residenti f’Portomaso, San Ġiljan. Huwa kien tressaq il-Qorti nhar is-Sibt 30 ta’ Novembru, 2019, mixli li fis-16 ta’ Ottubru 2017 wara nofsinhar u fix-xhur u s-snin ta’ qabel din id-data, ippromova, ikkostitwixxa, organizza jew iffinanzja għaqda bil-ħsieb li jwettqu reati kriminali.

Qed jiġi mixli wkoll li pparteċipa b’mod attiv fl-attivitajiet kriminali tal-għaqda, inkluż iżda mhux limitat għall-għoti ta’ informazzjoni jew ta’ mezzi materjali jew reklutaġġ ta’ membri ġodda, meta kien jaf l-għan jew l-attività b’mod ġenerali tal-għaqda stabbilità.

Ukoll li rrenda ruħu kompliċi ma’ terzi persuni li dolożament bil-ħsieb li joqtlu persuna, cioe lil Daphne Caruana Galizia, jew li jqegħdu l-ħajja tagħha f’periklu ċar, ikkaġunawlha l-mewt. Li f’Malta assoċja ruħu ma’ xi persuna jew persuni f’Malta jew barra minn Malta bil-għan li jagħmel delitt f’Malta li għalih hemm piena ta’ priġunerija.

Akkuża oħra tgħid li rrenda ruħu kompliċi ma’ terzi li dolożament, b’sustanza splussiva wettqu splużjoni li kkaġunat il-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia jew li setgħet tqiegħed f’periklu l-ħajja ta’ ħaddieħor jew tagħmel ħsara gravi lil ħwejjeġ ħaddieħor.

Melvin Theuma ta’ 42 sena, l-middleman fil-qtil tal-ġurnalista minn Birkirkara kien ingħata l-maħfra presidenzjali sabiex jikxef dak kollu li jaf dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru ta’ sentejn ilu u reati oħrajn li kien involut fihom.

L-ewwel xhud kien Joseph Brincat, li jaħdem fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma u li jiġġestixxi l ħanut tal-klabb Marsa White Stars. Is-Supretendent Keith Arnaud staqsih x’jaf dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Tenna li kull ma jaf hu li ċertu Lolly Pace kien imur fil-ħanut u jħalli xi flus li hu kien jgħaddi lil Mario Degiorgio, li jiġi ħu George u Alfred Degiorgio.

“Lolly” jew aħjar Lawrence ma kienx jaf lil Mario Degiorgio imma ix-xhud qal li kien jafu għaliex trabbew fl-istess triq. Tenna li hu kien qal lil Lawrence li jafhom u li kien se jgħaddilhom il-flus jekk jingħata riċevuta. Meta seħħ dan kollu l-aħwa Degiorgio kienu diġa jinsabu l-ħabs.

Brincat qal li dan kien għall-ħabta ta’ Ġunju u kienet għaddiet xi sena minn meta l-aħwa kienu ġew arrestati. Qal li ma kienx jinteressah fuq xhiex u għal xhiex kienu dawn il-flus. Għamillu biss pjaċir. Kien jafu u għaddielu l-flus. Sostna li qatt ma staqsa għal min kienu l-flus u għal liema raġuni kien qed jitħallas.

Tenna li Lolly kien jmur bil-flus, kien jispiċċa jgħoddhom quddiemu. Wara jċempel lil Mario u jgħidlu li l-flus waslu u biex iġib riċevuta. Brincat qal li irċieva 300 u darba 200. “Lolly kien tagħni l-flus erba’ darbiet. L-irċevuta kienet mill-ħabs u kienet prova li l-flus qed jingħaddew lill-aħwa Degiorgio. Darba 100 ngħatawlil lill-Koħħu, qal ix-xhud.

Dwar għaliex dan ix-xogħol li l-flus ikomplu jiċċirkolaw waqaf, Brincat wieġeb li ma jafx u ma jinterssaħx. Arnaud staqsa lix-xhud jekk għandux xi laqam u dan qallu li huwa magħruf bħala, “Is-Sukku”. Ix-xhud li jmiss kien Michael Savona minn Transport Malta. Huwa ġie mistoqsi dwar opri tal-baħar ta’ Yorgen Fenech.

Dan qal li Fenech għandu waħda bl-isem ta’ Kon Tiki 2 rreġistrata f’ismu u din ġiet reġistrata fl-1987 u ngħaddiet lil Fenech fl-2003. Sadanittant l-jott Gio hu rreġistrat fuq Tumas Group Management Ltd. Wara huwa beda jagħti dettalji dwar it-trasferimenti ta’ dan il-jott tul is-snin.

Melvin Theuma qed jallega li Yorgen Fenech huwa l-persuna li organiżża l-qtil filwaqt li fix-xhieda tiegħu huwa mplika, anke jekk mhux b’ċertezza lil persuni oħra bħal Keith Schembri u l-eks Ministru Chris Cardona. Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu ġie kkundannat 15-il sena ħabs wara li ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ma’ Muscat kienu arrestati wkoll l-aħwa Alfred u George Degiorgio li huma wkoll mixlija bl-involviment tagħhom b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista. “Il-Koħħu ta nformazzjoni lill-Pulizija dwar il-forniment tal-bomba li ntużat fil-qtil u wettqet operazzjoni t’arrest ta’ tliet persuni li huma suspettati li mportaw il-bomba li biha nqatlet Daphne Caruana Galizia. Il-persuni li wkoll tressqu l-Qorti u għaddejji proċeduri huma l-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufa bħala tal-Maksar, u Jamie Vella.

Is-Supretendent Keith Arnaud u l-ISpettur Kurt Zahra flimkien mal-Avukat Philip Galea Farrugia mill-uffiċċju tal-A.Ġ. qed imexxu l-Prosekuzzjoni. Għal Fenech qegħdin jidhru l-Avukati Marion Camilleri, Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qegħdin jidhru bħala parte ċivili għall-familja ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-kumpilazzjoni se tkompli nhar it-Tnejn, 9 ta’ Awwissu filwaqt li fit-12 ta’ Awwissu, se jixhed Matthew Caruana Galizia, meta għandu jsirlu l-kontro-eżami.