Lokali

ANALIŻI: Meta Robert Abela kien jattakka lill-PN dwar 17 Black … “tibqgħux tippersistu”

Ħarsa lejn l-attakki ta' Abela fl-2019, spalla ma' spalla ma' Zammit Lewis

Il-Prim Ministru Robert Abela, sentejn ilu backbencher Laburista u konsulent tal-Kabinett tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, kien irreaġixxa f’attakk sfrenat fuq l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta flimkien mal-bqija tal-Oppożizzjoni kien baqa’ jinsisti sabiex issir investigazzjoni fuq il-kumpanija 17 Black, kif ukoll sabiex jiġu investigati  Keith Schembri, Konrad Mizzi, Joseph Muscat u Nexia BT.

Iżda skont il-konsulent ta’ Muscat….l-aġir ta’ Simon Busuttil kien theddida fuq l-istituzzjonijiet, mentri illum sentejn wara huwa fatt magħruf li r-reżiljenza tal-eks Kap Nazzjonalista kienet ta’ thedidda fuq l-għanqbuta ta’ kriminalità li ħakmet il-kuriduri ta’ Kastilja – xi haga konfermata mill-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ir-rapport jispjega b’mod car li l-Gvern Laburista falla…falla l-Korp tal-Pulizija…u fallew il-politiċi – u b’responsabbiltà kollettiva d-Deputati Parlamentari Laburisti  kattru l-istat ta’ impunità li ssarraf fil-qtil ta’ ġurnalista. Attitudni li baqgħet tippersisti ankè bl-attitudni ta’ Robert Abela …illi flimkien ma’ dak li illum huwa Ministru tal-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis kienu ħarġu jattakkaw lil Simon Busuttil.

B’Zammit Lewis aktar kmieni din il-ġimgħa jisħaq li mxew mal-linja tal-Partit Laburista….linja li dakinhar fissret li jiddefendu lil Keith Schembri, lil Konrad Mizzi u lil Yorgen Fenech, illum allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ritratt: Matthew Tabone

Il-mira ta’ Abela kienet waħda, dik li jwaqqaf lill-Partit Nazzjonalista milli jaħdem sabiex issir ġustizzja – spalla ma’ spalla ma’ Zammit Lewis.

Inevitabbilment il-poplu issa qed jistaqsi jekk Robert Abela fil-vesti ta’ Prim Ministru, hux qed iġib l-ewwel l-interessi tal-poplu jew tal-Partit Laburista.

S’issa, l-Ministru tal-Ġustizzja Zammit Lewis għadu membru fil-Kabinett tiegħu wara li ħarġet fil-beraħ ir-relazzjoni li kellu ma’ sid il-kumpanija 17 Black….u Robert Abela, b’mod mill-aktar evidenti, jinsab komdu bih.

Għaldaqstant…issa…. il-pajjiż qed jistenna u jistaqsi, jekk fit-tmun hemmx min verament għandu l-interess tal-poplu f’qalbu, jew pupazz politiku ieħor.