Internazzjonali

Afganistan: Jinqatlu waqt attakk fuq ir-residenza tal-Ministru tad-Difiża

Ir-residenti ta’ Kabul jinsabu xxukkjati  wara attakk għall-għarrieda fuq ir-residenza tal-Ministru tad-Difiża Afgan u li ħalla talanqas tmienja mejtin f’dik iz-zona tal-kapitali.

L-attakk – f’dan il-każ splużjoni – ħalla wkoll diversi midruba waqt li kien ukoll l-ewwel wieħed fuq dan il-livell f’Kabul għal kważi sena. Madankollu, il-MinistruBismillah Khan Mohammadi ħeles minn ħalq il-mewt peress li ma kienx id-dar fil-ħin tal-azzjoni. Ir-rapporti, intant, qalu li grupp ta’ militanti armati kienu splodew karozza-bomba quddiem ir-residenza waqt li sparaw diversi tiri fiz-Zona l-Ħadra tal-kapitali li tinkludi l-Ministeri tal-Gvern.

Ingħad ukoll li l-qraba tal-Ministru kienu evakwati mill-inħawi u li nqatlu talanqas erba’ mill-aggressuri fil-battalji sussegwenti. Ftit wara l-attakk, il-militanti Iżlamiċi tat-Taliban ħarġu jassumu r-responsabbiltà għall-istraġi.

Ingħad li l-erba’ militanti ( minn grupp ta’ ħamsa) inqatlu wara li rnexxielhom jidħlu fil-villa tal-Ministru – u bir-rapporti jsostnu li l-isplużjoni partikulari kienet twettqet minn aggressur suwiċida.

Il-qawwiet speċjali Afgani ma tilfux iż-żmien biex jiċċirkondaw in-neighbourhood barra z-Zona l-Ħadra li tinkorpora wkoll numru ta’ ambaxxati. Intant, is-sitwazzjoni kellha tirritorna għall-kontroll biss wara sigħat ta’ sparar kontinwu bejn il-militanti u l-qawwiet fiz-zona partikulari.

Il-kelliema għat-Taliban, f’dawn is-sigħat, wissew dwar aktar attakki fuq il-Mexxejja tal-Gvern Afgan matul il-jiem li ġejjin. Dan fi żmien meta għaddej il-ġlied kontinwu bejn il-qawwiet tal-Gvern u l-militanti fid-diversi bliet Afgani, wara li telqu t-truppi barranin minn dan il-pajjiż.

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, intant, qed jinsisti biex il-vjolenza fl-Afganistan tieqaf immedjatament fi żmien partikularment sensittiv għal dan il-pajjiż u r-reġjun kollu.