Nhar it-Tnejn 16 ta’Awwissu fid-8.45pm, is-Soċjetà Filarmonika Marija Mtellgħa s-Sema tal-Imġarr se ttella’ Akkademja Mużikali f’Wesgħat il-Ġublew, l-Imġarr, fl-okkażjoni tal-10 snin Anniversarju mit-twaqqif tagħha.
Waqt din l-akkademja mużikali se jindaqqu diversi innijiet Marjani, bil-qofol jintlaħaq meta l-banda ddoqq għall-ewwel darba l-Innu l-Kbir Mbierka s-Sema, b’lirika ta’ Joe Julian Farrugia u mużika tas-Surmast Ray Sciberras.
F’din l-akkademja se jieħdu sehem is-sopran Claire Caruana u t-Tenur Georg Zammit flimkien mal-Kor Cappella Musicale Cæciliana taħt id-direzzjoni ta’ Mro.Abraham D’Amato A.Mus.LCM, L.Mus.LCM, B.A., STh.B., S.Th.L., u l-Kor Regina Coeli mmexxi minn Mro Mary Cauchi BA (Hons) L.Mus., LCM, ALCM.
Il-Banda Marija Mtellgħa s-Sema tal-Imġarr se tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Tancred Grech FLCM, LLCM, BA (Hons) Music, PGCE waqt din l-Akkademja, li fiha se titnieda s-CD doppja bl-innijiet marjani u marċi brijjużi kif ukoll il-ktieb tal-istorja tal-Banda tal-Imġarrin bl-isem “10 Snin Impenn Mużikali”.
Dan kollu akkumpanjat bi spettaklu kbir ta’ dawl bil-pubbliku jintalab ikun f’postu fit-8.30pm. bl-ilbies tal-maskra u l-ħarsien tal-miżuri tal-COVID-19.
Sabiex wieħed ikun tista’ jattendi għall-programm, is-Soċjetà qed titlob lill-pubblika tirriserva post billi jintbgħat l-isem, in-numru tal-mobile u n-numru tal-karta tal-identità b’email lil rsvp.bandamgarr@gmail.com jew biċ-ċellulari lin-numru 79674678.
Din l-Akkademja qed tittella’ bil-permess sħiħ u fl-osservazzjoni tal-miżuri stretti rilaxxati mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Id-dħul huwa permess biss għal dawk il-persuni vaċċinati miż-żewġ dożi. Ċertifikat tal-vaċċin irid jiġi ppreżentat mad-dħul.
//= $special ?>