Internazzjonali

BEJRUT: sena wara l-istraġi fil-port mistennija protesti hekk kif jikber l-għadab tal-qraba tal-vittmi

Awtoritajiet f’Beirut qed iħejju ruħhom għal protesti kbar fl-okkażjoni tal-ewwel anniversarju mill-istraġi li seħħet fil-port u li ħalliet mijiet ta’ persuni mejta.

Hekk kif qed ikompli jikber l-għadab għan-nuqqas ta’ kontabilità minn naħa ta’ dawk fil-poter, qraba u ħbieb ta’ dawk li tilfu ħajjithom fl-inċident ta’ tnax–il xahar ilu se jkunu qed jinżlu fit-toroq biex jipprotestaw sabiex min kien responsabbli għat-telfa tal-għeżież tagħhom jerfa’ din ir-responsabbiltà.

Bosta qed jixħtu l-ħtija ta’ dan l-inċident fuq politiċi prominenti u uffiċjali tas-sigurtà.

Dan kollu qed jiżviluppa filwaqt li l-organizzazzjoni Human Rights Watch kixfet evidenza li timplika uffiċjali għolja Lebaniżi fl-ispluzjoni tal-4 t’Awwissu ta’ sena ilu.

L-isplużjoni filfatt seħħet meta mijiet ta’ tunnellati ta’ ammonium nitrate li kien qed inżamm illegalment f’maħżen fil-port għal xi raġuni sploda u ħalla ħerba, b’mijiet ta’ mejta u eluf ta’ midruba.