Internazzjonali

Covid-19: Insistenza għal tilqim regolari u kontinwu fir-Renju Unit biex il-virus ‘ma jisplodix’ matul il-ħarifa

Il-kampanja li l-awtoritajiet tas-saħħa fir-Renju Unit qegħdin imexxu kontra l-coronavirus u l-varjanti tidher li qabdet ‘direzzjoni t-tajba’ matul il-vaganzi tas-sajf – u skont ma qed jgħid il-Professur Paul Elliot, li hu fost l-aktar virologi esperti f’dan il-pajjiż.

Madankollu, il-Professur Elliot, li hu direttur ta’ REACT ( programm ta’ testijiet għall-coronavirus qalb il-komunitajiet) enfasizza li l-akbar sfida għall-pajjiż se jkunu ‘l-iżviluppi u x-xejriet tal-coronavirus’ waqt l-istaġun tal-ħarifa.

Elliot spjega li l-każi tal-coronavirus u l-varjanti kapaċi jieħdu spinta fil-pajjiż ladarba n-nies jirritornaw għax-xogħol ‘u n-nies jibdew jitħalltu aktar ma xulxin fil-kmamar u s-swali’ ladarba tibda dieħla l-kesħa.

Għaldaqstant, il-professur qed jesiġi l-importanza li ‘il-massimu taċ-ċittadini’ jingħataw id-doża doppja tat-tilqima qabel il-ħarifa.

Il-Joint Committee on Vaccination and Immunisation tal-Gvern Britanniku qed iħejji biex jirrakkmanda li l-adolexxenti kollha bejn is-16 u s-17-il sena jkunu offruti l-vaċċin għal kontra l-Covid-19. Dan il-pjan qed jaħseb biex sa 1.4 miljun adolexxenti fir-Renju Unit jingħataw it-tilqima – għalkemm mhux magħruf meta jista’ jibda l-programm speċifiku.

Intant, riċerka importanti qed tissuġġerixxi li s-sintomi tal-Covid għat-tul taż-żmien ( long-lasting) huma rari fost it-tfal li jispiċċaw infettati. Fil-fatt, ix-xjenzati mal-King’s College ta’ Londra qed isostnu li l-maġġoranza tat-tfal kapaċi jirkupraw mill-coronavirus fi żmien ġimgħa.

Sadanittant, l-awtoritajiet fiċ-Ċina qed jikkonċentraw il-kampanja tat-tilqim kontra l-Covid fuq l-istudenti meta l-pajjiż jinsab għaddej mill-akbar spinta ta’ infezzjonijiet għal diversi xhur.

Il-Gvern Ċiniż komunista rrapporta mal-71 każ domestiku tal-virus għal nhar l-Erbgħa biss, b’din tkun l-ogħla ċifra ta’ infezzjonijiet għal ġurnata waħda fil-pajjiż minn Jannar sallum.Dan waqt li l-kampanja tat-tilqim għall-minorenni bejn it-12 u s-17-il sena qed tkun estiża biex il-pajjiż jikkontrolla aktar il-firxa tal-varjant ‘Delta’ tal-coronavirus.

L-aħħar mewġa ta’ infezzjonijiet issa nfirxet għal talanqas 16-il provinċja u muniċipalità taċ-Ċina u għalissa mhix ċara l-perċentwali tan-nies fost il-poplu li laħqu ngħataw il-vaċċin.

Intant, il-Ministeru Ċiniż għall-Edukazzjoni talab lill-awtoritajiet lokali biex jimplintaw programm li jispeċifika t-tilqim tal-istudenti li jattendu l-iskejjel.

U waqt li l-awtoritajiet fid-diversi provinċji Ċiniżi diġà qegħdin ilaqqmu lill-istudenti, hemm pressjoni kbira biex tintlaħaq il-mira tal-Gvern biex bejn 80 u 95 fil-mija tal-poplu sħiħ taċ-Ċina jieħdu t-tilqima kontra l-Covid sal-aħħar ta’ din is-sena.