Enerġija Lokali

Dlam u sħana: Il-politika tal-enerġija ta’ Gvern Laburista – PN

“Bħal ma nnotaw ħafna li ntlaqtu direttament, fl-aħħar ġimgħat qed jinqata d-dawl f’diversi lokalitajiet. Fil-mument meta il-familji l-iktar kellhom bżonn elettriku stabbli, il-Gvern tahom minflok id-dlam u s-sħana.”

Sostna dan fi stqarrija l-Kelliem tal-PN għall-Enerġija, Ryan Callus, fejn sostna li r-raġuni ta’ dan kollu hija dik li kellha tkun ir-roadmap tal-Labour ikkonċentrat fuq il-monument tal-korruzzjoni tal-electrogas u traskurat id-distribuzzjoni tal-elettriku fid-djar.

Huwa insista li bħala fatt, il-Labour nefaq inqas flus fuq l-upgrade tad-distribuzzjoni f’dawn l-aħħar sentejn minn kemm Konrad Mizzi ħafer miljuni f’taxxi lill-Electrogas.

Dan filwaqt li Ryan Callus insista li illum nafu li l-Labour qed iċċaħħad il-poplu minn roħs fil-kontijiet għaliex ma nistgħux nixtru mill-interconnector kull meta jkun irħas. Nafu wkoll li l-proġett tal-electrogas kien il-mottiv ewlieni li ħammret wiċċ Malta bir-rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

“Għax il-Labour kien mehdi fl-Electrogas, nesa infrastruttura primarja tal-Enemalta, dik tad-distribuzzjoni. Inutli jkollok il-provvista tad-dawl, jekk imbagħad mgħandekx infrastruttura adekwata. Pajjiżna ra żieda sostanzjali fl-aħħar tmien snin fil-popolazzjoni, li ġabet żieda fil-postijiet ta’ akkomodazzjoni, mingħajr ma ta każ l-infrastruttura. Il-faqar fil-politika tal-Labour illum huwa iktar car minn qatt qabel, għaliex ma ippjanax għal din iż-żieda bl-investimenti neċessarji biex is-sistema ta’ distribuzzjoni tkun tista’ tlaħħaq mad-domanda.”

Il-Kelliem tal-PN saħa li jrid jiġi nnotat li din is-sitwazzjoni seħħet meta t-turiżmu f’pajjiżna mhuwiex fl-aqwa tiegħu minħabba l-imxija tal-pandemija. “Wieħed allura jrid jistaqi: x’kien jiġri kieku dan kien staġun turistiku normali?”

Huwa sostna li għas-sitwazzjoni ħażina li jinsab fiha pajjiżna mgħandhomx jaħtu għaliha l-ħaddiema, tekniċi u inġiniera tal-Enemalta, li bħalissa jinsabu b’ilsienhom barra jippruvaw ilaħħqu mal-ħsarat fis-sistema tad-distribuzzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista irid jassigura li ebda omm ma jkollha tispiċċa tfittex il-frisk matul il-lejl għat-tarbija tagħha fl-arja kkundizzjonata tal-karozza tagħha. Din mhijiex kwalita’ ta’ ħajja li tagħmilna l-aqwa fl-Ewropa u li jaspira għaliha l-Partit Nazzjonalista.

“B’differenza għall-Labour, il-Partit Nazzjonalista, kif ħabbar fi Frar li għadda fil-pjan tiegħu għall-enerġija, jinvesti bis-serjeta’ fl-upgrading u balancing tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-Low Voltage, sabiex mhux biss jinqatgħu l-istanzi fejn ma jkunx hemm provvista tad-dawl, iżda wkoll sabiex tissolva l-problema ta’ vultaggi għoljin u baxxi li numru ta’ lokalitajiet qegħdin jesperjenzaw li jwassal ukoll ghall-qtugh tad-dawl f’residenzi privati.”