Lokali Qorti

Ħabs għal Ingliż li pprova jifga lil martu

Ingliż ġie kundannat ħamest ijiem ħabs wara li nstab ħati li pprova jifga lil martu, wkoll Ingliża wara li ħebb għaliha waqt li kien xurban.I l-koppja hija residenti San Pawl il-Baħar. Il-każ kien immexxi mill-Ispettur Godwin Scerri li xlieh li fit-30 ta’ Ġunju kkaġuna fuq martu biża, li kienet se tintuża vjolenza kontriha, li pprova juża forza fuqha kif ukoll li heddidha u insulentaha.

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello ir-raġel xehed li jeżistu diffikultajiet u li dawn qed jiġru f’daru fir-relazzjoni tiegħu ma’ martu minħabba l-preżenza u l-imġieba mhux mixtieqa ta’ bint martu, li spiċċat tgħix Malta wara li ġiet mill-Ingilterra biex tgħix magħhom.

Qal li huwa u jemmen li hija involut bid-drogi u kumpanija ħażina. Huwa xehed fuq l-inċident li seħħ filgħaxija fit-30 ta’ Ġunju 2020. Qa li ma jiftakarx il-kliem preċiżi li qal jew ġesti li għamel fir-rigward ta’ martu għax kien fis-sakra. Madankollu huwa fakkar li l-inċident kien ikkawżat mill-frustrazzjoni li kienet minħabba l-problemi kkawżati permezz tal-imġieba inaċċettabbli ta’ bint martu f’darhom, li kkawża kollox, f’dik l-okkażjoni.

Il-mara vittma xehdet li żewġha mar id-dar xurban u heddidha li dakinhar xi ħadd kien se jmut waqt li anke poġġa jdejh ma’ għonqha u pprova jifgaha. Hija sostniet li qabad T-shirt u beda jagħtiha bih fuq sieqha u jdejha waqt li beda jgħajjarha u jgħidilha li kien hemm bżonn li tissawwat.

Fil-kors tal-kawża l-mara esprimiet ix-xewqa li jieqfu l-proċeduri għax kienu qed jitwalu u għax ir-relazzjoni tjiebet bejniethom. Il-Qorti qieset ukoll il-fatt li r-raġel jidher li bidel l-attitudni u sa anke skuża ruħu ma’ martu. Hija rrimarkat li r-raġel aġixxa b’intenzjoni li jweġġa’ lil martu għalkemm din ma sofriet ebda ġrieħi.

Meta ġiet biex tagħti l-piena hija kkunsidrat li r-raġel skuża ruħu ma’ martu, li hija ħafritlu u li r-relazzjoni bejn it-tnejn tjiebet. Minbarra l-ħamest ijiem ħabs l-Maġistrat Montebello rabtitu biex għal 12-il xahar ma jdejjaqx lil martu inkella kien jeħel multa ta’ €500.