Lokali

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà tappella għal aktar servizzi aċċessibli

70 fil-mija tal-applikazzjonijiet li l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà rċeviet fl-2020 biex tiċċertifika l-aċċessibbiltà ta’ bini miftuħ għall-pubbliku ma kienux approvati.

Dan ħareġ mir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar is-sena ta’ ħidma fl-2020, fejn kien spjegat li mill-aktar minn 4,000 applikazzjoni li rċievew, aktar minn 2,800 ma kienux approvati… filwaqt li 611 kienu approvati. Min-naħa l-oħra, 600 applikazzjoni lanqas biss kienu fil-parametri li fuqhom isir l-ivvettjar mill-Kummissjoni.

Meta ppreżentat ir-Rapport, il-Kummissrju għall-Persuni b’Diżabbiltà Samantha Pace Gasan qalet li ħafna mill-ħidma matul dik is-sena kellha tinbidel u tkun ibbażata fuq il-pandemija. Fost l-oħrajn, b’ħolqien ta’ disability taskforce li rat li l-policies li jsiru ma jnaqqrux mid-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u l-familji tagħhom.

Pace Gasan qalet li sal-aħħar ta’ Diċembru li għadda kienu aktar minn 19,700 il-persuni b’diżabbiltà fiżika jew intelletwali rreġistrati mal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, it-Taqsima tal-Infurzar ġabret aktar minn 2,100 blue badge minn meta beda jopera minħabba li skadew, filwaqt li żdiedet l-investigazzjoni fil-konfront ta’ min abbuża.

Matul is-sena li għaddiet, is-CRPD għamlet ukoll proġetti ta’ riċerka, partikolarment biex aktar persuni b’diżabbiltà jsibu impjieg u biex il-professjonisti jingħataw aktar għarfien. Dan fost xogħol ieħor minn wara l-kwinti, li jibqa’ għaddej kontinwament.

Samantha Pace Gasan irringrazzjat lill-impjegati kollha tal-Kummissjoni, li qalet jgħinu biex din tibqa’ rilevanti għall-ħajja tal-lum. Dan billi l-persuni b’diżabbiltà, il-familji u l-carers tagħhom jgħixu ħajja aħjar.

Hi appellat biex jiżdiedu aktar servizzi aċċessibbli, filwaqt li min ikollu xi lment jew sfida, jitkellem mal-Kummissjoni.