Hu evidenti li l-Membri Parlamentari Laburisti qed jiġu sfurzati minn Robert Abela u l-klikka ta’ Kastilja biex jappoġġjaw lil Edward Zammit Lewis wara li l-Gvern diġà rreżista milli l-Parlament jiddiskuti b’urġenza Mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar il-futur politiku tal-Ministru tal-Ġustizzja u l-Governanza.
Il-Mozzjoni tressqet mill-Partit Nazzjonalista wara li kien żvelat kif il-Ministru Zammit Lewis kien qed jikkonfoffa ma’ Yorgen Fenech meta suppost kien qed jara li ssir ġustizzja.
F’wieħed mill-messaġġi li bagħat lill-allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, żvelati mill-media fil-jiem li għaddew, Edward Zammit Lewis kiteb li, skont hu, il-Laburist hu Ġaħan … kumment li weġġa’ lil diversi partitarji Laburisti.
Iżda quddiem ir-rabja tal-partitarji Laburisti, il-Ministru Julia Farrugia qalet li la ngħixu f’pajjiż demokratiku, kull politiku jista’ jagħmel il-kummenti li jrid.
Min-naħa l-oħra, il-Ministru Farrugia ma kinitx komda twieġeb jekk Edward Zammit Lewis kienx qed jirreferi għaliha meta qal li fil-Kabinett hemm “tfal u pożi” u “b’kompetenza politika zero”.
Minflok, bagħatitna nistaqsu lilu, f’indikazzjoni ċara kemm il-Membri Parlamentari Laburisti huma skomdi quddiem din is-sitwazzjoni. Madankollu, huma qed ikollhom jiddefendu lill-kollega tagħhom wara li Zammit Lewis baqa’ jsib l-appoġġ tal-Prim Ministru.
Sadanittant, propju biex jevita lill-media fuq dan is-suġġett jaħraq, il-Prim Ministru fl-aħħar jiem kellu żewġ okkażjonijiet pubbliċi fejn evita milli jistieden lill-media – żewġ inawgurazzjonijiet li għalihom ma ħareġ l-ebda sejħa għall-ġurnalisti.
//= $special ?>