Il-UPE tgħid li qed jiżżarmaw l-għalliema tal-Higher Secondary u l-ALP
Il-Union of Professional Educators fi stqarrija qalet li għandha informazzjoni tat-tħassib ferm li l-Ministeru tal-Edukazzjoni bħalissa għaddej b’eżerċizzju li permezz tiegħu għadd ta’ għalliema qed ikunu mċaqalqa mill-Higher Secondary u mill-ALP.
Jidher li l-Minsteru qed jinjora l-oġġezzjonijiet tal-għalliema għal dan iċ-ċaqliq hekk kif qed jibqa’ għaddej bil-pjanijiet tiegħu filwaqt li qed isejjaħ lill-għalliema b’mod individwali sabiex jinfurmahom dwar it-transfer li qed jingħataw.
Jidher li uħud mill-għalliema ta’ dawn l-iskejjel li jgħallmu studenti żgħażagħ ta’ ‘l fuq minn 15-il sena issa qed jintbagħtu jgħallmu fi skejjel primarji.
Il-UPE qalet li jidher li l-Ministeru qed jagħmel dan biex jimla l-vojt fis-setturi educattivi obligatorji.
Din il-politika, qalet il-union, tikkontradixxi dak li ilu jgħid il-Ministeru, jiġifieri li mhemmx nuqqas ta’ għalliema.
Jagħmlu tajjeb il-partijiet kollha kkonċernati li jiffukaw fuq x’inhu li qed iwassal għal din is-sitwazzjoni, saħqet il-union, filwaqt li insistiet li “l-iskarsezza fil-pagi” huwa fattur li żgur li qed jikkontribbwixxi għal din il-kriżi.
//= $special ?>