Lokali

“Impjieg fantażma” ieħor mal-Gvern ta’ €35,000 fis-sena għal Charlon Gouder

L-eks ġurnalist tas-Super One ingaġġat mal-Kunsill Malti għall-Arti bi €3,000 fix-xahar mingħajr ħadd ma jaf x'xogħol jagħmel waqt li jipprattika ta' avukat

L-eks ġurnalist tas-Super One, Charlon Gouder ingħata impjieg fantażma full time mal-Gvern ta’ €35,000 minkejja li għadu jipprattika fil-privat bħala avukat u fl-istess waqt li jservi ta’ Kap Eżekuttiv tal-Maltese Aquaculture Producers, il-lobby group tat-tonn f’pajjiżna.

Din l-istorja ġiet żvelata fuq is-sit The Shift li kkonfermat li ġie ingaġġat mal-Kunsill Malti għall-Arti, li taqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministru, Jose Herrera, li kien iħaddem lill-istess Gouder qabe daħal fil-professjoni legali u meqjusin bħala ħbieb tal-qalb.

Dan apparti l-kuntratti tal-Gvern ta’ valur sinifikanti li għadu jibbenefika minnhom, bis-sorsi tal-istess sit iqabblu l-ingaġġ ta’ Gouder bħala Executive tal-Aġenziji u l-Fondazzjonijiet ma’ dak ta’ Melvin Theuma, il-middleman fl-assassinju tal-ġurnalista, Daphne Caruana Galizia.

Dan hekk kif ħadd ma jaf fejn hu l-uffiċċju tiegħu u jista’ jkompli jipprattika fil-professjoni mingħajr ma jagħti sodisfazzjon lil Albert Marshall, il-Kap Eżekuttiv li jirrapporta direttament għandu, ta’ dak li jagħmel fil-privat diment li ma jkollux kunflitt ta’ interess max-xogħol tal-Kunsill.