Krystina Timanovskaya, l-atleta olimpika tal-Belarus li rriffjutat li tirritorna lura f’pajjiża minn Tokyo, qabdet titjira lejn Vienna aktar kmieni llum.
It-tfajla ta’ 24 sena kienet irreżistiet ordnijiet biex ittir lura lejn il-Belarus wara li kienet kritikat lil coaches tagħha u lil sħabha.
Fl-aħħar jiem l-atleta ngħatat viża umanitarja mill-Polonja u kienet mistennija tivvjaġġa lejn Varsavja iżda għal xi raġuni biddlet id-destinazzjoni tagħha fl-aħħar ħin.
F’kummenti li tat lill-media Timanovskaya insistiet li l-kritika tagħha ma kinitx diretta lejn pajjiżha, iżda lejn l-iżbalji li saru minn uffiċjali tal-Belarus waqt l-Olimpjadi.
Intant kelliema għal awtoritajiet tal-Belaurs spjegaw li l-atleta kienet tneħħiet mit-tim nazzjonali minħabba ‘l-istat emozjonali tagħha’. Madankollu, l-istess atleta caħdet li kellha xi problemi mentali jew li kienet tkellmet ma’ tobba waqt li kienet fil-villaġġ Olimipiku.
Il-Kumitat Olimpiku Internazzjanoli, l-IOC, fetaħ investigazzjoni formali fuq l-allegazzjonijiet li l-awtoritajiet tal-Belarus pruvaw jisfurzaw lil Timanovskaya tirritorna lura pajjiżha kontra r-rieda tagħha.
//= $special ?>