Għawdex Lokali Transport

Reazzjonijiet pożittivi mill-studenti universitarji Għawdxin għall-proposti tal-PN

Reazzjoni ferm pożittiva mill-studenti universitarji Għawdxin għall-proposti li nieda il-Partit Nazzjonalista għall-Għawdex – proposti illi l-għan tagħhom hu sabiex l-aċċess bejn Malta u Għawdex ma jibqax sfida ta’ kuljum għall-ħajja tal-Għawdxin.

Owen Teuma, il-President tal-Grupp Universitarji Għawdxin, sostna li l-GUG dejjem kien favur aċċessibbiltà aħjar bejn iż-żewġ gzejjer u jinsab sodisfatt ħafna bil-proposta tat-tkabbir tal-port tal-Imġarr, li bla dubju ser tiffaċilita’ ħajjet l-istudenti Għawdxin. Huwa saħaq li l-proposta tat-tkabbir tal-port fl-Imġarr biex ilahhaq mall-passiġieri żgur li se tibbenefika fil-pożittiv għall-istudenti Maltin u Għawdxin.

Proposta oħra li ħareġ biha l-PN biex jiġi introdott is-servizz tal-arju bejn Malta u Għawdex se tħalli impatt tajjeb fuq ħajjet l-istudent li ta’ kuljum irid jivvjaga bejn Malta u Għawdex.

Teuma qal li s-servizz tal-ajru bejn Malta u Għawdex ser iwassal sabiex l-istudent jaqsam Malta u Għawdex u jasal l-Universita’ fl-inqas ħin possibli u mingħajr problemi ta’ traffiku. Intant bla dubju din il-proposta hija pożittiva għal aħħar għall-istudenti Għawdxin.

Owen Teuma – President tal-GUG

It-Tnejn li għadda waqt konferenża tal-aħbarijiet, l-Partit Nazzjonalista nieda 5 proposti li jippromwovu l-bilanċ neċċessarju bejn aċċessibiltà eċċelenti u miżuri li huma sostenibbli u responsabbli,

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li jixprunaw l-ekonomija Għawdxija billi jitkabbar il-port ta’ l-Imġarr biex dan ilaħħaq mal-bżonnijiet tal-passiġieri. Il-pjan tal-port irid jinkludi wkoll aktar spazju għall-parkeġġ. It-tkabbir tal-port iwassal ukoll sabiex cruiseliners ikunu jistgħu jitrakkaw.

Ġie propost ukoll żewġ vapuri ġodda oħra, wieħed għall-passigieri u wieħed iddedikat għall-merkanzija u b’hekk jiġi introdott servizz tal-merkanzija lejn il-Port il-Kbir.

Il-PN qed ikompli jinsisti li jsiru l-istudji kollha neċċessarji dwar il-mina bejn Malta u Għawdex. Kif ukoll konsultazzjoni mal-poplu Għawdxi permezz ta’ referendum dwar il-mina wara li jiġu ppublikati l-istudji u ssir konsultazzjoni wiesgħa.

Dawn il-proposti gew prezentati mill-Kelliem għal Għawdex Chris Said, mid-deputat Joe Ellis u mill-kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali Alex Borg.