Internazzjonali

Repubblika Ċeka: Tlieta mejtin f’ħabta bejn żewġ ferroviji

Mietu talanqas tlieta f’ħabta bejn ferrovija express u ferrovija — bl-inċident iħalli wkoll numru sostanzjali ta’ midruba. L-awtoritajiet Ċeki qalu li l-ferrovija express kienet qed tivvjaġġa mill-belt Ġermaniża ta’ Munich lejn Praga u fejn spiċċat dieħla fil-ferrovija l-oħra wara li kienet għaddiet minn stop sign.

It-tieni ferrovija kienet qed tivvjaġġa fuq rotta lokali u fid-direzzjoni ta’ Domazlice u l-awtoritajiet lokali ma kenux ċerti jekk it-traġedja – qrib il-villaġġ ta’ Milavce — kenitx dovuta għal żball tas-sewwieq tal-ferrovija express inkella jekk seħħitx b’kaġun ta’ difett tekniku fin-network. 

Intant, uħud mill-passiġġieri li spiċċaw serjament midruba ttieħdu l-isptar b’ ħelikopter, biż-żewġ ferroviji jibqgħu weqfin qrib il-binarji rispettivi. Wara kien ikkonfermat li ż-żewġ sewwieqa tal-ferroviji kienu tilfu ħajjithom fl-inċident, bl-istess destin imiss lil mara fost il-passiġġieri.