Sport Waterpolo

Rimonta fit-tielet sessjoni tippremja lil Neptunes bil-kmand tal-klassifika

Rapport: Stewart Said

NEPTUNES………………………. 11

SAN ĠILJAN MERCURY………. 10

(2-3), (2-2), (4-2), (3-3)

Konfront dirett ta’ din ix-xorta, dejjem se jkun lok għal tensjoni, eċċitament, logħob sabiħ u għaliex le protesti miż-żewġ naħat. Logħba mhix faċli għar-referees biex jikkontrollaw u f’mumenti minnhom kienu fil-mira ta’ kritika tat-tnejn, speċjalment minn San Ġiljan għal ċertu deċiżjonijiet fit-tieni parti tal-logħba. Il-logħba kienet maqsuma f’żewġ partijiet. San Ġiljan kienu l-aħjar tim fl-ewwel żewġ sessjonijiet iżda Neptunes kienu superjuri fuq l-avversarji fit-tielet u r-raba’ sessjonijiet.

Finalment kienu Neptunes li ħadu tliet punti u fetħu vantaġġ fuq San Ġiljan qabel il-bidu tat-tieni rawnd. Importanti kien il-fatt kif Stevie Camilleri kkontrolla l-logħba tiegħu wara li kien b’żewġ fawls wara sessjoni u nofs biss. San Ġiljan naqsu li jkomplu jibnu fuq il-bidu pożittiv li kellhom u ma rkuprawx meta marru minn taħt għall-ewwel darba.

Andreas Galea fetaħ l-iskor fl-ewwel żewġ minuti tal-logħba. Neptunes, permezz ta’ Jordan Camilleri, wieġbu darbtejn eżatt wara l-gowls ta’ Dino Zammit u Jake Bonavia, bit-tieni gowl ta’ Neptunes jasal erba’ sekondi qabel tmiem is-sessjoni.

Fit-tieni sessjoni, kienu San Ġiljan li kellhom jiskorjaw darbtejn biex żammew il-gowl vantaġġ. Jake Muscat ġab id-draw sakemm Dino Zammit żamm il-gowl vantaġġ fl-attakk sussegwenti minn penalty. Sam Gialanze reġa’ ġab id-draw iżda Dominique Zahra għamel l-iskor 5-4, f’dak li kien it-tielet gowl minn man-up skorjat f’din is-sessjoni.

Jordan Camilleri fetaħ it-tielet sessjoni bl-aqwa mod. Skorja t-tielet gowl personali u għamilhom 5-5. Iżda gowls minn Jake Bonavia u Dino Zammit taw vantaġġ doppju li sa dak il-ħin seta’ jitqies meritat. Madankollu l-iżvolta tal-logħba seħħet fit-tieni nofs tas-sessjoni hekk kif Neptunes skorjaw tliet gowls mingħajr risposta f’żewġ minuti u nofs. Gabriel Pace, Jeremy Abela u Jake Muscat kienu l-protagonisti f’din ir-rimonta.

Issa kien imiss lil San Ġiljan biex għall-ewwel darba jiġru wara l-logħba. Bħalma seħħ fit-tielet sessjoni, Neptunes skorjaw gowl kmieni u rdoppjaw il-vantaġġ. Sa tliet minuti mit-tmiem, Neptunes kellhom vantaġġ ta’ 10-8. Andreas Galea naqqas id-distakk minuta mit-tmiem iżda fl-attakk ta’ wara, Muscat skorja bi preċiżjoni u deher li għalaq il-logħba. Keith Galea skorja gowl sabiħ b’25 sekonda mit-tmiem iżda Neptunes żammew il-pussess sal-aħħar.

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (3), L. Calleja, G. Pace (3), M. Castillo, J. Spiteri Staines, S. Camilleri, J. Camilleri (3), J. Abela (1), M. Spiteri Staines, A. Fenech, S. Gialanze (1), A. Bugeja, M. Farrugia, R. Galea

San Ġiljan: R. Coleiro, D. Zahra (1), A. Galea (3), D. Fero, R. Caruana, M. Zammit, B. Plumpton, J. Bonavia (2), D. Ciantar, Da. Zammit, K. Galea (1), Di. Zammit (3), G. Vassallo, M. Ortoleva

Referees: Peter Balzan, Stefano Pinato

Debutt b’rebħa għal Beto Fernandez

BIRŻEBBUĠA FREEPORT…….. 3

SLIEMA FRANK SALT…………. 10

(0-6), (1-2), (0-0), (2-2)

Debutt feliċi għall-kowċ ta’ Sliema Beto Fernandez f’dik li trasformat f’rebħa faċli. Normalment meta tinbidel it-tmexxija teknika, ikun hemm injezzjoni awtomatika fil-plejers. Fuq in-naħa l-oħra, Birżebbuġa ddeludew hekk kif kienu d-dell ta’ diversi prestazzjonijiet li kellhom f’dan l-istaġun.

Bidu b’saħħtu mis-Slimiżi li fetħu l-iskor minn Zach Mizzi u saħansitra rnexxielhom ikabbru l-vantaġġ għal 6-0. Huma mhux biss skorjaw iżda bdew isibu x-xibka bi kwalità, hekk kif bdew jippressaw għoli. Dan id-distakk ikkomprometta l-andament tal-logħba, b’Sliema jikkontrollaw mingħajr diffikultà. Wara li Julian Farrugia naqqas id-distakk fit-tieni sessjoni, Jerome Gabarretta skorja doppjetta u għen lit-tim tiegħu jidħol jistrieħ b’vantaġġ komdu ta’ 8-1.

Il-logħba naqset mir-ritmu, naqsu wkoll ix-xuttijiet preċiżi fil-lasti u ma kinitx sorpriża li ħadd ma sab ix-xibka fit-tielet sessjoni. Birżebbuġa rnexxielhom ma jitilfux ukoll l-aħħar sessjoni, b’Gabriel Sammut u Simon Vassallo jsibu x-xibka filwaqt li Gabarretta skorja doppjetta bejniethom.

Birżebbuġa: M. Rossi, J. Farrugia (1), N. Cassar, D. Pace Lupi, M. Curmi, P. Serracino, S. Vassallo (1), D. Cutajar, M. Bonnici, M. Borg, R. Spiteri, S. Fava, L. Abela, B. Grech, G. Sammut (1)

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (5), L. Galea, M. Meli (1), B. Cachia (1), N. Schiavone, M. Mifsud, J. Brownrigg, J. Gambin (1), Z. Mizzi (2), N. Bugelli, Z. Sciberras

Referees: Alex De Raffaele, Alessandro Cavallini

Iż-żgħażagħ jerġgħu jagħmluha

SIRENS MECCA MARIN……… 3

TA’ XBIEX AMIGOS……………. 4

(1-0), (0-0), (0-4), (2-0)

Prestazzjoni oħra qalbiena miż-żgħażagħ ta’ Ta’ Xbiex Amigos. Rebħa oħra kontra t-tim li jinsab l-ewwel fil-klassifika, f’konfront kwiet iżda li kien eċċitanti lejn it-tmiem. Sirens kellhom vantaġġ għal kważi żewġ sessjonijiet hekk kif Matthew Sciberras kien l-uniku plejer li sab ix-xibka. Sirens ma kinux qed jimpressjonaw iżda b’xi mod kienu qed iżommu kontroll tal-logħba.

Fit-tielet sessjoni, Ta’ Xbiex ħasdu lill-avversarji u wara li Kieyan Borg ġab id-draw, fetħu vantaġġ ta’ 4-1 b’gowls ta’ Jayden Cassar, Daniel Rizzo minn penalty u Raoul Greco. Sirens żiedu l-isforzi tagħhom fl-aħħar sessjoni fit-tentattiv li jevitaw it-telfa. Ganni Farrugia naqqas id-distakk u l-gowl ta’ Matthias Azzopardi fetaħ il-logħba beraħ. Iżda minkejja l-aħħar minuti ta’ pressjoni, Ta’ Xbiex, bl-għajnuna tal-gowlkiper Miguel Vassallo li salva darbtejn fl-aħħar sekondi, kisbu r-rebħa.

Sirens: G. Galea Curmi, M. Grech, K. Erdogan, J. Sciberras, J. Zerafa Gregory, G. Farrugia (1), M. Sciberras (1), I. Riolo, J. Napier, G. Melillo, L. Caruana, M. Azzopardi (1), O. Gauci, T. Said

Ta’ Xbiex: M. Vassallo, R. Greco (1), Z. Cutajar Licari, J. Pace Mizzi, J. Cassar (1), M. Demarco, J. Saliba, J. Cutajar, K. Borg (1), S. Azzopardi, E. Schembri, D. Rizzo (1), A. Theuna

Referees: Richard Magri, Stefano Pinato