Lokali

Rudolph Marmara elett bħala s-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv il-ġdid tal-PN

Ilbieraħ filgħaxija, il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista eleġġa lil Rudolph Marmara bħala s-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv il-ġdid.

Din il-kariga kienet vakata minn Michael Piccinino fil-jiem li għaddew wara li kien elett bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Partit.

F’kumment fuq Facebook, Piccinino awgura lil Marmara għall-kariga l-ġdida tiegħu u li ddeskriva bħala waħda li hi tant għal qalbu.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista qal li jinsab ċert li Rudolph Marmara se jkun qed jaħdem biex jieħu l-organizzazzjoni tal-Partit lejn livelli ġodda, li jkomplu jippreparaw lill-Partit għall-elezzjoni ġenerali li ġejja.

Fil-kariga tiegħu bħala Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv, Marmara se jkun qed jaħdem id f’id mas-Segretarju Ġenerali u responsabbli mill-organizazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali, kif ukoll mal-loġistika meħtieġa biex l-organi u l-organizzazzjonijiet tal-partit iwettqu l-ħidma politika tagħhom b’mod effiċjenti ta’ kuljum.

Rudolph Marmara hu ggradwat b’Masters Degree fil-Management, kellu esperjenza bħala Manager tal-HR kif ukoll ilu attiv għal snin twal fl-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista.