Lokali

Edward Zammit Lewis lil Yorgen Fenech: “I miss you so much”

Żvelati aktar chats li jpoġġu pressjoni fuq Robert Abela

Fl-aħħar sigħat komplew jiġu żvelati aktar chats li għaddew bejn Edward Zammit Lewis u s-sid ta’ 17 Black Yorgen Fenech – chats illi jikkonfermaw il-qrubija li kien hemm bejn dawn iż-żewġ personaġġi bejn Jannar u Settembru tal-2019, meta kien diġa’ magħruf li Fenech huwa s-sid ta’ 17 Black.

Rapporti li ħerġin mis-sit LovinMalta jindikaw li f’wieħed mill-messaġġi, Zammit Lewis jgħid lil Yorgen Fenech “Qed nimmisjak ħafna”. Bl-imprenditur ftit li xejn kien iwieġeb lura, iżda Zammit Lewis kien jibqa’ jippersisti li jikkuntatjah. Tant hu hekk, li f’mument minnhom Edward Zammit Lewis baghtlu messaġġ u qallu “kellimni għax qed tħassibbni…lili se ssibni…f’daż-żmien kollu dejjem bqajt f’qalbi”.

Skont ir-rapporti li ħerġin fil-media, Zammit Lewis saħansitra talab li ssir laqgħa privata ma’ Keith Schembri fil-farmhouse ta’ Yorgen Fenech.

Kif diġa’ ġie żvelat, matul l-2019 il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Governanza – li kien deputat Parlamentari – baqa’ f’kuntatt kontinwu mas-sid tal-kumpanija 17 Black li kien għadu jrid jiġi arrestat b’rabta mal-kompliċità tiegħu fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. U kien fil-bidu ta’ dik is-sena meta Zammit Lewis irrefera għall-votanti tiegħu bħala “Ġaħan” – frażi li baqa’ ma skużax ruħu li użaha.