Ambjent Lokali

Il-PN se jressaq proposti biex jindirizza l-problemi tal-bdiewa

“Biex ikollna l-ikel fuq il-mejda kuljum jeħtieġ li pajjiżna jipproduċi ħaxix frott u laħam. Dan ma jistax iseħħ jekk il-bidwi ma jkollux l-appoġġ tal-pajjiż u l-bidwi jispiċċa bla raba’ x’jaħdem.”

Sostnew dan il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius u l-Kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali Clifford Żahra Fenech f’laqgħa li kellhom fiż-Żejtun ma’ bidwi affettwat mis-sentenzi tal-Qorti.

Jean Paul Fenech spejga li bħalissa hemm 40 bidwi li qegħdin il-qorti bir-riskju li jiġu mkeċċija mir-raba’ tagħhom fuq qbiela ma’ propjetarji privati. Huwa qal ukoll li l-bdiewa sħabu jafu b’għexieren ta’ bdiewa oħrajn li ser jispiċċaw fl-istess sitwazzjoni fix-xhur li ġejjin u li fil-preżent jinsabu f’negozjati mas-sidien tal-artijiet.

Il-prezz tal-qbiela li qed jiġi propost wara s-sentenzi tal-Qorti qed ikun skont il-prezz tas-suq li huwa affetwat mid-domanda għal art għal skopijiet ta’ passatempi ….bir-riżultat li l-prezz tas-suq qed jghola – tant li ma jibqax possibli li l-bidwi jixtri l-art.

Peter Agius u Cliffors Żahra Fenech qalu li hemm possibilità li jgħinu lill-bdiewa jakkwistaw ir-raba’ tagħhom permezz ta’ intervent meqjus li jsostni lill-bdiewa mkeċċija mir-raba’, kif ukoll bdiewa żagħżagħ li jidħlu fis-settur. Dan irid isir skont il-qafas tal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iniedi konsultazzjoni urġenti mal-għaqdiet tal-bdiewa u bdiewa individwali. Wara li jsir studju dettaljat tal-qafas tal-liġijiet Ewropej, il-Partit se jressaq proposti li jindirizzaw din l-isfida.