Il-Marsa, partijiet ta’ Ħal Qormi, iż-Żejtun, Santa Luċija, partijiet mill-Gudja u anke Marsaskala – dawn huma biss ftit mil-lokalitajiet li matul il-lejl li għadda reġgħu spiċċaw bla dawl.
F’xi postijiet bħal Wied il-Għajn, sas-6am id-dawl kien għadu ma ġiex. F’postijiet oħra, il-provvista inqatgħet biss għal ftit minuti, u meta reġa’ ġie id-dawl ħafna esperjenzaw ħsarat fl-appliances tagħhom. L-agħar li intlaqtu kienu lokalitajiet fejn id-dawl dam bejn 8 sigħat u 13-il siegħa biex ġie lura.
Bla dubju ta’ xejn li din is-sitwazzjoni – jum wara l-ieħor – qed toħloq frustrazzjoni enormi fir-residenti ta’ dawn il-lokalitajiet li qed jispiċċaw fid-dlam u fi sħana tremenda. Fuq il-media soċjali, persuna li toqgħod il-Gudja kitbet li dan il-qtugħ kollu juri li l-proġett tat-tanker tal-gass “seta’ ma sar xejn”. Oħra esprimiet il-frustrazzjoni tagħha billi sempliċiment kitbet “imisshom jistħu”.
Din il-ġimgħa, il-kelliem tal-PN għall-enerġija Ryan Callus stqarr b’mod ċar illi dawn is-sitwazzjonijiet frekwenti ta’ qtugħ fil-provvista tad-dawl jikkonfermaw li l-politika tal-Gvern Laburista għal dan is-settur tfisser biss “dlam u sħana”.
//= $special ?>